Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, attenda l-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Interni fi Brussell nhar it-Tnejn, 8 ta’ Diċembru 2025. Il-laqgħa ffokat fuq kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u x-Schengen
Il-Ministru enfasizza li d-diskussjonijiet tal-Kunsill ikomplu jibnu fuq id-djalogu kostruttiv li ġie propost fil-Laqgħa Ministerjali MED5 li saret f’Malta l-ġimgħa li għaddiet.

Wara ġimgħat ta’ negozjati, il-Kunsill wasal għal ftehim dwar il-ħolqien tal-ewwel pool annwali ta’ solidarjetà għall-2026. Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, l-Istati Membri identifikati bħala taħt pressjoni migratorja jirċievu appoġġ, kemm permezz ta’ rilokazzjonijiet jew kontribuzzjonijiet finanzjarji.
Il-Ministru Camilleri fakkar li Malta kienet qed tiffaċċja kriżi ta’ migrazzjoni għal diversi snin hekk kif wasliet irregolari żdiedu, b’konsegwenza ta’ talbiet kontinwi għal solidarjetà mill-partners Ewropej tagħha. Illum, is-sitwazzjoni hija differenti. Permezz ta’ investiment sinifikanti f’miżuri ta’ prevenzjoni u ritorn, il-Gvern irnexxielu jibdel b’suċċess din it-tendenza u jindirizza l-isfidi marbuta mal-migrazzjoni irregolari. Dan il-progress huwa ċar: Malta m’għadhiex klassifikata bħala Stat Membru taħt pressjoni migratorja.
Il-Ministru enfasizza li, minkejja l-pożizzjoni attwali ta’ Malta, il-pajjiż jibqa’ impenjat li jappoġġja l-Istati Membri, partikolarment il-pajjiżi l-oħra tal-MED5, fil-waqt tal-bżonn. Il-Ministru qal li minkejja s-suċċess ta’ Malta fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari matul l-aħħar snin b’enfasi fuq il-prevenzjoni, il-ġlieda kontra l-kuntrabandisti u r-ritorn, il-pożizzjoni ġeografika tagħna tfisser li nibqgħu esposti kontinwament għar-riskju li nerġgħu niffaċċjaw sitwazzjoni bħal din fil-futur. Filwaqt li enfasizza li s-solidarjetà mhix għażla, iżda pedament tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Camilleri kkonferma mill-ġdid id-determinazzjoni ta’ Malta li tiddefendi dan il-prinċipju. Mingħajr solidarjetà, il-Ministru enfasizza li Patt effettiv dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ma jistax jintlaħaq.
Matul il-laqgħa, il-Kunsill appoġġja wkoll il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar ir-Ritorn, li ġiet ippreżentata għall-ewwel darba f’Marzu. Il-Ministru Camilleri laqa’ l-progress li nkiseb f’din il-kwistjoni leġislattiva, u osserva li r-Regolament se jservi bħala strument vitali biex is-sistema tar-ritorn tal-Ewropa issir aktar effiċjenti, kredibbli u ġusta.
Il-Ministru enfasizza li sistema ta’ ritorn effettiva u li tiffunzjona tajjeb hija l-pedament ta’ politika soda fuq l-migrazzjoni. F’dan il-kuntest, huwa saħaq dwar is-suċċess ta’ Malta fl-aħħar snin fit-tnaqqis tal-migrazzjoni irregolari, permezz ta’ investiment akbar fl-awtoritajiet nazzjonali, il-ħolqien ta’ unità dedikata għar-ritorni, u l-impenn imsaħħaħ ma’ pajjiżi terzi ewlenin ta’ tranżitu u ta’ oriġini. Dawn l-isforzi ġabu riżultati konkreti: tnaqqis ta’ 93% fil-wasliet irregolari meta mqabbel mal-2019, u proporzjon bejn ritorn u wasliet ta’ 78% fl-2025.
Il-Ministru Camilleri enfasizza l-ħtieġa li tiġi msaħħa ż-żona Schengen billi jissaħħu l-għodod eżistenti u jiġu adottati approċċi innovattivi li jipprevjenu l-migrazzjoni irregolari u t-theddid tas-sigurtà. Il-Ministru għamel ukoll sejħa għal politika ta’ viża tal-UE trasparenti, segwita b’mod rigoruż, u kompletament allinjata ma’ għanijiet usa’ ta’ migrazzjoni u sigurtà.

Il-Ministru enfasizza wkoll l-importanza kruċjali li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, u osserva kif biss permezz ta’ sħubiji strateġiċi u komprensivi tul ir-rotot tal-migrazzjoni nistgħu nisfaxxaw b’mod effettiv in-netwerks tal-kuntrabandu u nnaqqsu b’mod sinifikanti l-wasliet irregolari.
Il-Ministru Camilleri temm billi sejjaħ għal viġilanza kontra theddid ġdid u prontezza għal sfidi futuri. Hu enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni kollettiva u l-użu sħiħ ta’ strumenti eżistenti, bħas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, sabiex jingħalqu l-lakuni fis-sigurtà u tinbena sistema tassew reżiljenti ta’ ġestjoni tal-fruntieri.

