Nixtieq nirringrazzja lil NETNews talli ftakru fija u nawguralhom is-Sena t-tajba. Għad li mhuwiex minnu li l-Ministeru fetaħ xi kawza kontra l-infermiera, huwa fatt li fetaħ kawza kontra l-MUMN wara li l-Imħallef Hayman aċċettat mandat tal-Ministeru li waqqaf direttiva mħanżra ta’ din il-unjin li ppruvat twaqqaf l-operat tal-Cath Suite għall-mard tal-qalb. L-istess direttiva kienet qed iżżeblah lill-Charge Nurse fil-qadi ta’ dmirijietha. B’riżultat ta’ dan, u bi pjaċir ninforma lin-NETNews u oħrajn bħalhom, li matul il-festi saru 58 proċeduri urġenti u 29 proċeduri skedati fil-Cath Suite. Dawn tal-aħħar kważi d-doppju mis-sena 2024.
Fl-2024 l-Imħallef Scerri-Herrera kkundannat direttiva mħanżra ta’ din l-istess MUMN li kompliet salbet tfajla ta’ 15 il-sena bi problemi ta’ saħħa mentali gravissimi.
Fl-2022 imbagħad, din l-istess MUMN, permezz ta’ direttiva mħanżra oħra, kienet ipparalizzat l-Isptar Mater Dei, għax waqqfet l-ammissjoniet fid-djar tal-anzjani. Din id-direttiva bla qalb kienet ġiet imwaqqfa mill-Imħallef Camilleri.
Fejn jidħol l-interess suprem tal-pazjent fdat f’idejna, jien miniex ħa nibża minn ħadd. U l-ebda ħdura jew boycott m’huma ħa jgħalquli halqi.

