Malta u Monaco jiffirmaw Protokoll li jaġġorna l-Ftehim tal-2018 dwar it-Taxxa Doppja

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, temm żjara ta’ jumejn fil-Prinċipat ta’ Monaco, fejn kellu taħditiet ta’ livell għoli mal-Ministru tal-Istat, Christophe Mirmand, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Isabelle Berro-Amadeï, u uffiċjali ewlenin oħra tal-Gvern.
Temi ta’ interess komuni bejn Malta u Monaco, fosthom it-turiżmu, l-industrija tal-vapuri tal-passiġġieri, l-industrija tal-jottijiet, l-ekonomija blu u l-innovazzjoni diġitali, kienu fuq quddiem nett tal-aġenda tal-laqgħat mal-Ministru Mirmand, il-Kap tal-Gvern ta’ Monaco, u mal-Ministru Berro-Amadeï. F’dan ir-rigward, Dr Borg iddiskuta opportunitajiet għal sħubijiet ġodda, kollaborazzjoni dwar tisħiħ tal-ħiliet u l-għarfien, u skambju ta’ tagħrif dwar prattiċi ta’ suċċess bejn l-awtoritajiet u dawk involuti fil-kummerċ, fiż-żewġ pajjiżi.
“Malta u Monaco kontinwament jirnexxielhom iwettqu ferm aktar minn kemm mistenni minnhom fl-influwenza globali tagħhom, speċjalment fis-settur marittimu, bil-pożizzjonijiet strateġiċi rispettivi tagħna fil-Mediterran, il-wirt marittimu u l-impenn komuni lejn il-kwalità u s-sostenibbiltà, minkejja li aħna stati żgħar. Din iż-żjara tirrifletti s-sħubija fit-tul bejn iż-żewġ pajjiżi – aħna eżempji ċari ta’ kif stati żgħar jistgħu jirnexxu permezz tal-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni, filwaqt li jissalvagwardjaw l-identità, il-wirt u l-ambjent tagħhom,” spjega Dr Borg.

Id-Deputat Prim Ministru Malti ltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija ta’ Monaco, Pierre-André Chiappori, għal preżentazzjoni ekonomika bis-sehem ta’ rappreżentanti ta’ diversi entitajiet mill-pajjiż, fosthom id-Dipartiment tal-Attrazzjoni, l-Awtorità tat-Turiżmu u l-Konvenzjonijiet, il-Bord Ekonomiku ta’ Monaco, Cluster Yachting Monaco u Monaco Telecom.
Matul iż-żjara, id-Deputat Prim Ministru Borg u l-Ministru Chiappori ffirmaw Protokoll li jaġġorna l-Ftehim Bilaterali tal-2018 dwar il-Prevenzjoni tat-Taxxa Doppja u l-Prevenzjoni tal-Evażjoni Fiskali bejn iż-żewġ stati. Il-Protokoll jaġġorna l-Ftehim biex jirrifletti l-aħħar standards internazzjonali tat-taxxa, filwaqt li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi b’salvagwardji aktar ċari u proċeduri mtejba, sabiex tiżdied iċ-ċertezza kemm għal dawk li jħallsu t-taxxa, kif ukoll għall-amministrazzjonijiet.
F’Monaco, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll mal-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Ambjent u l-Iżvilupp Urban, Céline Caron-Dagioni, għal taħditiet dwar proġetti ambjentali u dawk ta’ infrastruttura pubblika fiż-żewġ pajjiżi.

“Billi naħdmu flimkien, Malta u Monaco jistgħu jkomplu jmexxu bl-eżempju, xhieda ta’ kif stati żgħar jistgħu jkunu innovattivi, jadattaw u jirnexxu f’realtajiet ġeopolitiċi li aktar ma jmur aktar qed isiru imprevedibbli,” innota Dr Borg fi tmiem iż-żjara.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Prinċipat ta’ Monaco ġew stabbiliti uffiċjalment fil-11 t’April 2001.

