Malta tqajjem il-ħtieġa ta’ appoġġ Ewropew lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd wara l-maltempata Harry

Neville Gafa

~ 7 hours ago

Malta tqajjem il-ħtieġa ta’ appoġġ Ewropew lis-setturi tal-agrikoltura u s-sajd wara l-maltempata Harry

Fi Brussell, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said attendew għal-laqgħa tal-Kunsill tal-AGRIFISH.

 

Il-Ministru Anton Refalo kellu wkoll laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Ikel Christophe Hansen, li matulha ġiet diskussa l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni sabiex il-bdiewa u r-raħħala Maltin jingħataw il-protezzjoni u r-rikonoxximent dovut għall-ħsarat sinifikanti li sofrew. F’dan il-kuntest, Malta talbet li dan il-punt jiġi indirizzat ukoll fil-livell tal-Kunsill tal-Ministri, fejn ingħata appoġġ mill-Ministri preżenti.

 

 

 

 

Matul l-istess laqgħa, il-Ministru qajjem ukoll is-sitwazzjoni diffiċli li għaddej minnu s-settur tal-majjal, b’mod partikolari minħabba l-prezzijiet baxxi ħafna ta’ prodotti tal-majjal importati minn barra li qed jimminaw il-kompetittività tal-produtturi lokali. Ġew esplorati diversi possibbiltajiet mal-uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea sabiex dan is-settur jingħata l-appoġġ meħtieġ, b’diskussjonijiet li se jkomplu fil-livell tekniku bil-għan li tinstab soluzzjoni adegwata fi żmien qasir.

 

Fil-kuntest ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-Ministru Anton Refalo qal: “Il-laqgħat li mexxejna wasslu messaġġ ċar u qawwi: il-Gvern Malti qed jaħdem b’mod determinat biex jiżgura li s-sajjieda, il-bdiewa u r-raħħala milquta mill-maltempata Harry jingħataw l-appoġġ li jistħoqqilhom. L-għajnuna trid tasal b’mod effiċjenti u fil-ħin, u f’dan ir-rigward qed naraw impenn serju mill-istituzzjonijiet Ewropej.”

 

 

 

 

Il-Ministru rrimarka wkoll li dawn il-laqgħat jagħtu ċertezza li l-proċessi neċessarji sabiex jingħataw l-assistenzi meħtieġa jinsabu għaddejjin b’serjetà, b’skop wieħed: li s-setturi primarji Maltin u Għawdxin ikunu sostnuti b’mod konkret u ġust f’mumenti ta’ kriżi, filwaqt li esprima l-apprezzament tiegħu għar-rikonoxximent mogħti miż-żewġ Kummissarji għall-ħidma kontinwa li qed iwettaq il-Ministru f’dan il-qasam.

 

Il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said kellhom laqgħa wkoll mal-Kummissarju Ewropew għas-Sajd u l-Oċeani Costas Kadis, liema laqgħa wasslet għal konferma formali li l-appoġġ għas-settur tas-sajd se jkompli jingħata b’mod konkret u strutturat. Matul din id-diskussjoni, ġiet enfasizzata l-importanza li l-miżuri ta’ sostenn ikunu mmirati u effettivi sabiex is-sajjieda milquta jingħataw l-għajnuna meħtieġa fi żmien xieraq.

 

 

 

 

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said irrimarkat li, “Huwa kruċjali li nibqgħu viċin is-sajjieda tagħna, nisimgħu l-isfidi li qed jiffaċċjaw u nkomplu naħdmu b’mod konkret biex nassiguraw li jingħataw l-appoġġ meħtieġ, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.” Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li l-Gvern se jibqa’ impenjat biex jiddefendi l-interessi tas-settur tas-sajd u jappoġġja lil dawk li jiddependu fuqu għall-għajxien tagħhom.

 

Il-Ministeru se jkompli jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Istati Membri sabiex jiżgura li l-impenji li ttieħdu jiġu tradotti f’miżuri konkreti li jindirizzaw ir-realtajiet fuq il-post.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *