Titnieda l-istrateġija nazzjonali għall-artiġjanat u sejħa għall-Park ġdid ta’ Divertiment għall-Familja f’Ta’ Qali daqs darba u nofs il-ground nazzjonali

Neville Gafa

~ 60 minutes ago

Titnieda l-istrateġija nazzjonali għall-artiġjanat u sejħa għall-Park ġdid ta’ Divertiment għall-Familja f’Ta’ Qali daqs darba u nofs il-ground nazzjonali

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri nieda Strateġija Nazzjonali għas-settur tal-artiġjanat u ħabbar li fil-ġranet li ġejjin se tkun qed tinħareġ sejħa għall-proposti (RFP) għall-iżvilupp ta’ Park ta’ Divertiment għall-Familja fil-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali. Dan il-park se jkun fuq art ta’ ’l fuq minn 13,000 metru kwadru, darba u nofs daqs il-ground nazzjonali.

 

Waqt it-tnedija, il-Ministru Schembri spjega li l-prinċipju fundamentali wara din l-istrateġija huwa marbut mal-Viżjoni Malta 2050, li taspira għal nazzjon sigur, reżiljenti, kburi bl-identità tiegħu. Huwa enfasizza li l-wirt kulturali Malti jinkludi l-identità sħiħa tagħna, l-istorja, id-drawwiet, l-użanzi u l-ħiliet artiġjanali.

 

 

Silvio Schembri

 

“L-artiġjanat huwa parti essenzjali mill-identità tagħna. Permezz ta’ din l-istrateġija, mhux biss qed nipproteġu s-settur, iżda qed ngħinuh jadatta għad-dinja tal-lum permezz tal-innovazzjoni, biex niżguraw li dawn il-ħiliet ma jintilfux u jkomplu jevolvu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” stqarr il-Ministru Schembri.

 

Din l-istrateġija tfasslet biex tkun dokument ħaj li jiġi implimentat gradwalment u mmonitorjat biex jibqa’ relevanti, bl-għan li l-prodott artiġjanali Malti jissaħħaħ.

 

Bħala parti mill-impenn biex jissaħħaħ il-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali, il-Ministru Schembri ħabbar ukoll li fil-ġranet li ġejjin se toħroġ RFP, għall-iżvilupp ta’ Park ta’ Divertiment għall-Familja. Dan il-proġett għandu l-għan li joħloq destinazzjoni ta’ rikreazzjoni ta’ kwalità għolja li tikkumplimenta l-attività artiġjanali tal-madwar.

 

“Dan il-park mhux se jkun biss attrazzjoni ta’ divertiment, iżda ukoll wirja tal-kreattività u l-identità Maltija. Permezz tiegħu se nżidu l-viżitaturi lejn il-Villaġġ tal-Artiġjanat f’Ta’ Qali, u se noħolqu opportunitajiet kummerċjali ġodda għall-artiġjana,” qal il-Ministru.

 

Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-Malta Crafts Foundation, lill-INDIS u lill-MIEA għall-ħidma konġunta tagħhom biex iwettqu din il-viżjoni ħolistika għas-settur tal-artiġjanat u għall-familji Maltin u Għawdxin.

 

 

 

 

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Crafts Foundation, Elton Micallef enfasizza li din l-istrateġija tirrappreżenta pass storiku, hekk kif hija l-ewwel waħda tax-xorti tagħha għal dan is-settur f’pajjiżna. Madankollu, permezz ta’ din l-istrateġija, mhux biss qed jiġu indirizzati l-isfidi, iżda qed tinbena wkoll viżjoni ċara u sostenibbli għall-futur. Huwa temm jgħid li din l-inizjattiva qed issaħħaħ il-fiduċja ta’ dawk kollha involuti fis-settur, filwaqt li toħloq ambjent li jħeġġeġ kontinwità, investiment u tkabbir fit-tul.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *