L-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma, ġie kkritikat wara li esprima ruħu dwar l-użu tal-Child Care u wissa kontra mentalità fejn it-tfal jitqiesu bħala “oġġetti”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg kienet minn tal-ewwel li ħarġet qatta’ bla ħabel kontra Mons. Teuma u staqsiet b’liema awtorità l-Isqof seta’ jagħmel dikjarazzjonijiet bħal dawn.

Iżda l-istess mistoqsija tgħodd għaliha wkoll:
Onor. Rebecca Buttigieg tal-Human Rights, b’liema awtorità tiċċensura jew tiskredita l-pożizzjoni ta’ Mexxej Spiritwali li qed jitkellem fil-kuntest tal-missjoni pastorali tiegħu?
Int min int biex tattakka Mexxej Pastorali?
Qed nippretendu li l-Knisja Kattolika m’għandhiex dritt tesprimi opinjoni morali jew soċjali dwar temi li jolqtu direttament lill-familja u lis-soċjetà?

Hija din l-ugwaljanza li tant tiftaħar biha, fejn opinjonijiet li ma jaqblux ma’ ċertu narrattiva jiġu immedjatament attakkati? Jew għax tant kibret rasna li spiċċajna intolleranti lejn kull vuċi li toffri perspettiva differenti?

L-Isqof ma impona l-ebda obbligu fuq ħadd. Huwa ta parir spiritwali, kif inhu fid-dmir li jagħmel, u enfasizza l-importanza li l-ġenituri jqattgħu aktar ħin mat-trabi tagħhom fl-ewwel snin ta’ ħajjithom. Wara kollox dan huwa prinċipju kruċjali fl-iżvilupp tat-tfal.
Għaliex diskors pastorali li jħeġġeġ ir-rabta familjari qed jiġi interpretat bħala attakk fuq servizz li qed jiġi offrut mill-Gvern?
Kemm sirna omnipotenti?

