Investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun fil-faċilitajiet sportivi u rikreattivi f’diversi skejjel

Neville Gafa

~ 7 hours ago

Investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun fil-faċilitajiet sportivi u rikreattivi f’diversi skejjel

Matul l-2025, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) wettqet proġetti ta’ tisbiħ fl-ispazji rikreattivi f’diversi skejjel. L-FTS sebbħet dawn l-ispazji permezz ta’manutenzjoni tal-ambjent kif ukoll bl-installazzjoni ta’ turf artifiċjali ġdid.

 

Dawn il-proġetti saru b’investiment ta’ madwar €1,341,535. L-ikbar żewġ proġetti kienu dawk ta’ 7 grounds fil-Kulleġġ Għawdex, Skola Primarja u dik Medja, b’valur ta’ kważi €800,000, kif ukoll fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja l-Liċeo, il-Ħamrun, b’valur ta’ aktar minn €200,000. F’dawn l-iskejjel, grawnds eżistenti kienu miksija b’turf artifiċjali.

 

 

 

 

 

Waqt l-inawgurazzjoni tal-ground tal-Liċeo tal-Ħamrun, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar l-importanza li qed tingħata fl-iskejjel madwar il-pajjiż, mhux biss b’xogħol infrastrutturali, imma wkoll bit-tisbiħ fl-ispazji sportivi u rikreattivi f’diversi skejjel.

 

“Qed nagħtu importanza għall-benesseri tal-istudenti tagħna, kif joħroġ mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030. Dan qed nagħmluh billi apparti x-xogħol li qed isir fuq livell nazzjonali fis-settur sportiv, qed naraw li anki fl-Iskejjel u l-Istituzzjonijiet Edukattivi l-faċilitajiet li jintużaw għal rikreazzjoni jkollhom ambjent aktar xieraq f’dak li huwa spazju sportivi u rikreattiv,” qal il-Ministru Grima. “Qed inkomplu x-xogħol fuq programmi u inizjattivi biex nagħtu aktar importanza għal sport u attività fiżika, imma qed naraw ukoll li b’dawn il-proġetti nipprovdu spazji aħjar għall-istudenti tagħna.”

 

 

 

 

Matul is-sena li għaddiet, apparti fiż-żewġ skejjel imsemmija, kien hemm investiment fl-ispazji rikreattivi u għall-attività fiżika f’diversi skejjel, fosthom: fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca Skola Primarja tal-Ħamrun; fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca Skola Primarja tal-Belt Valletta; fil-Kulleġġ Santa Klara Skola Primarja ta’ Pembroke; fil-Kulleġġ Santa Klara Skola Primarja f’San Ġiljan; fil-Kulleġġ Sant’Injazju Skola Primarja ta’ Ħaż-Żebbuġ u fil-Kulleġġ San Tumas More Skola Primarja taż-Żejtun.

 

“Qed naraw li l-ispazji miftuħa jkunu adegwati biex l-istudenti jkollhom spazji aħjar li fihom ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport u jagħmlu eżerċizzji fiżiċi. B’dan l-investiment, mhux biss qed intejbu l-ambjent fejn l-istudenti u t-tfal jistgħu jirrikreaw u jagħmlu eżerċizzju fiżiku, imma qed nagħtu wkoll importanza lill-benesseri mentali u soċjali tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Clifton Grima.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *