Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri bħalissa jinsab f’Nikosija, Ċipru, fejn qed jipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea għall-Kompetittività, iffukata fuq il-futur tas-suq intern u r-reżiljenza industrijali.

Waqt l-ewwel sessjoni plenarja fuq it-tisħiħ tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea, il-Ministru Schembri insista li l-inizjattivi tal-UE għandhom jirrispettaw il-politika ta’ newtralità tal-Istati Membri. Huwa enfasizza li l-ekonomija Maltija, li hija mmexxija prinċipalment mill-SMEs, tikkontribwixxi l-aktar permezz ta’ setturi ta’ użu doppju milli produzzjoni militari, għaldaqstant il-Ministru Schembri oppona għall-użu ta’ fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni lejn id-difiża. Minflok, huwa appella għall-ħolqien ta’ Fond Ewropew għall-Kompetittività ddedikat speċifikament għan-negozji żgħar u medji, filwaqt li nnota li qafas ta’ dan it-tip jista’ jipprovdi wkoll appoġġ siewi għal “Important Projects of Common European Interest” (IPCEI), inkluż dawk relatati mas-semikondutturi u l-European Chips Act 2.
Dwar il-“Competitiveness Compass”, il-Ministru saħaq fuq il-ħtieġa ta’ governanza aktar intelliġenti u riformi ssimplifikati li jqisu l-isfidi uniċi ta’ stati fil-konfini tal-Ewropa. Huwa identifika s-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-piżijiet ta’ konformità bħala miri essenzjali li jistgħu jiġu addottati f’qasir żmien, filwaqt li enfasizza li hemm bżonn ta’ enfasi akbar fuq il-kapital uman. Huwa nnota li t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali, STEM u tal-litteriżmu finanzjarju huwa kruċjali sabiex in-negozji żgħar u medji jibqgħu kompetittivi. Barra minn hekk, filwaqt li rrikonoxxa l-valur tal-istrumenti finanzjarji, huwa reġa’ afferma li l-għotjiet jibqgħu indispensabbli biex jappoġġjaw l-innovazzjoni fl-istadju bikri u l-vjaġġ sħiħ tat-tkabbir tal-intrapriżi żgħar.

Fid-diskussjonijiet dwar is-Suq Uniku, il-Ministru Schembri enfasizza li bħala nazzjon gżira, il-libertà tal-moviment u s-servizzi tal-mobilità huma ta’ importanza kruċjali. Huwa appella għat-tneħħija ta’ sfidi diġitali fl-oqsma tal-intelliġenza artifiċjali u l-qsim tad-data, filwaqt li enfasizza li l-leġiżlazzjoni futura trid tinkludi sorveljanza umana u protezzjoni b’saħħitha għall-minuri. Huwa ħeġġeġ ukoll għal titjib fil-ħiliet diġitali sabiex il-konsumaturi vulnerabbli ma jkunux żvantaġġati f’dinja mmexxija mid-data.
Il-Ministru Schembri temm billi kkonferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta lejn Ewropa kompetittiva li tibbilanċja l-innovazzjoni mal-protezzjoni soċjali. Huwa tenna sabiex is-suq uniku jirnexxi, il-politika tal-UE trid tibqa’ flessibbli biżżejjed biex tindirizza ir-realtajiet industrijali u ġeografiċi differenti tal-Istati Membri kollha.

