Ngħażlu l-Istudju u l-Qari għat-Tkabbir Intellettwali

Neville Gafa

~ 6 hours ago

Ngħażlu l-Istudju u l-Qari għat-Tkabbir Intellettwali

F’soċjetà fejn madwar 85% nirrikorru kuljum għall-midja soċjali u t-televiżjoni sabiex ikollna “għarfien” dwar x’qed jiġri, qed insibu ruħna mgħarrqin f’distrazzjonijiet diġitali kontinwa. Fl-istess waqt, b’mod allarmanti, aktar minn nofs il-popolazzjoni ma taqrax ktieb wieħed fis-sena, u agħar minn hekk, persentaġġ sostanzjali jevitaw il-qari għal kollox. Dan kollu minkejja li Malta tiftaħar b’rati għolja ta’ litteriżmu u tradizzjoni edukattiva soda.

 

Wasal iż-żmien li nwarbu l-“mentalità aborigina” — spazju dominat mit-televiżjoni, pultruni u ‘skrolljar’ bla tmiem fuq il-mezzi soċjali li jissimbolizzaw biss passività u staġnar intellettwali, u minflok nħaddnu l-qari u l-istudju: spazju intenzjonat għall-qari, għat-tagħlim u għat-tiġdid personali. Studju jfisser ambjent li jrawwem il-ħsieb, iqanqal il-kurżità u l-iżvilupp kontinwu, f’armonija mal-wirt intellettwali tagħna u ma’ ħassieba Maltin bħal Edward de Bono u Ġużè Ellul Mercer.

 

Bil-kontra tal-konsum passiv tal-kontenut diġitali, l-istudju huwa att attiv u kostruttiv. Il-qari u l-istudju joħolqu sistema li tħeġġeġ il-kreattività, ir-reżiljenza u l-ħsieb indipendenti. Ejja narmaw id-djar tagħna bi xkafef mimlija kotba, skrivanija ddedikata għall-qari, u spazju dedikat għall-mumenti ta’ silenzju u konċentrazzjoni. Dan mhux biss isaħħaħ l-iżvilupp personali, iżda jżid il-produttività, japprofondixxi r-rabtiet tal-familja permezz tal-qari kondiviż, u jindirizza b’mod konkret il-kriżi tal-qari.

 

 

 

 

Jeħtieġ rivoluzzjoni tal-ħsieb. Trasformazzjoni minn dipendenza fuq mezzi soċjali li joffru biss livell baxx u faqar fl-għerf, għal għażla konxja ta’ kotba li jkabbru l-għarfien. Ejjew norbtu ruħna mat-tagħlim u l-qari, inwarrbu d-distrazzjonijiet u nħaddnu kultura ta’ studju kontinwu.

 

Qatt mhu tard biex titgħallem. B’hekk biss moħħna jibqa’ jiżviluppa, u i-familji tagħna u s-soċjetà Maltija in ġenerali tibqa’ miexja ’il quddiem.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *