Ħames snin ilu, il-Gvern nieda proċess biex persuni li twieldu b’diżabilità kawża tal-effetti tal-pillola Thalidomide jiġu kkumpensati għas-sofferenza li għaddew minnha tul ħajjithom. B’riżultat ta’ dan il-proċess, il-Gvern approva l-ħlas ta’ kumpens ta’ darba lil dawn il-vittmi.
Illum, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia ħabbret il-ftuħ mill-ġdid ta’ din is-sejħa għal individwi li m’applikawx.

Il-pillola Thalidomide kienet tintuża fis-snin sittin min-nisa tqal, l-aktar biex tittaffa t-tqalligħ ta’ stonku magħruf bħala “morning sickness”. Din il-mediċina kienet ġiet żviluppata minn kumpanija Ġermaniża f’nofs is-snin ħamsin u bdiet tiġi prodotta wkoll fir-Renju Unit fl-1958. Minkejja li fl-1961 ġiet ikkundannata internazzjonalment minħabba l-effetti serji tagħha fuq it-trabi, f’Malta baqgħet disponibbli sal-1968.
S’issa, il-Gvern ikkumpensa 29 persuna li huma vittmi ta’ din il-pillola u li għadhom ħajjin. Dawn l-individwi għaddew minn proċess rigoruż ta’ screening u assessjar fiżiku minn esperti mediċi. L-assessjar iddetermina l-perċentwal ta’ diżabilità sofruta, li fuqu ġie kkalkulat l-ammont ta’ kumpens skont formula stabbilita apposta. Il-vittmi diġà rċevew żewġ pagamenti u huma mistennija jirċievu t-tielet u l-aħħar ħlas aktar tard matul din is-sena.

Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “din is-sejħa mill-ġdid hija xhieda ċara tal-impenn sod tal-Gvern li jindirizza inġustizzji storiċi u li jagħti d-dinjità u r-rikonoxximent mistħoqq lill-persuni li sofrew il-konsegwenzi traġiċi tal-pillola Thalidomide. Għal snin twal, dawn il-vittmi għexu b’diżabilità li ma kinitx frott ta’ għażla tagħhom, iżda ta’ nuqqasijiet serji f’sistemi mediċi u regolatorji tal-passat. Bħala Gvern, nemmnu li huwa d-dmir tagħna li ma ndawrux wiċċna, iżda li nieħdu azzjoni responsabbli. Inħeġġu lil kull min jaħseb li jista’ jkun vittma sabiex javviċina lill-Ministeru, biex ħadd ma jibqa’ barra minn dan il-proċess ta’ ġustizzja, rikonoxximent u solidarjetà soċjali,” temmet tgħid il-Ministru.
Il-Gvern qed jerġa’ jiftaħ sejħa għal persuni b’diżabilità li jaħsbu li huma vittmi tal-pillola Thalidomide u li, għal xi raġuni, ma kinux applikaw fis-sejħa preċedenti. Dawn il-persuni huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat permezz tal-email strategysupport.miv@gov.mt sa mhux aktar tard mit-Tnejn 2 ta’ Marzu 2026.

