Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, irrappreżenta lil Malta f’Konferenza Globali organizzata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) f’Marrakech fil-Marokk.
Il-Konferenza laqqgħet flimkien gvernijiet, rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem, kif ukoll organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġu diskussi sfidi emerġenti u opportunitajiet relatati max-xogħol diċenti, il-protezzjoni soċjali u l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ipparteċipa f’sessjonijiet plenarji li trattaw diskussjonijiet dwar l-estensjoni tal-protezzjoni soċjali b’mod speċjali fejn jidħlu tfal, kif ukoll dwar il-koperazzjoni bejn reġjuni differenti.

Matul il-konferenza fil-Marokk, Dr Ellul kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Inklużjoni Ekonomika, Intrapriżi Żgħar, l-Impjiegi u l-Ħiliet tal-Marokk, Younes Sekkouri. Il-laqgħa kienet waħda kordjali u kostruttiva u ffukat fuq diversi temi ta’ interess għaż-żewġ naħat.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul għamel referenza dwar l-importanza tad-djalogu soċjali bħala mezz effettiv biex jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem u dawk tal-ħaddiema, biex ir-riformi jitwettqu b’kunsens bejn il-partijiet soċjali. Huwa żied jgħid li l-koperazzjoni strutturata bejn il-Gvern, il-unions, u min iħaddem, twassal għal stabbilità f’dik li hi ġustizzja soċjali u tkabbir sostenibbli, u kif djalogu effettiv jista’ jgħin biex jissolvew sitwazzjonijiet kumplessi.

Dr Ellul spjega wkoll lill-Ministru Sekkouri dwar il-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Soċjali u Ekonomiku (MCESD) u kif dan huwa pedina importanti fis-settur tad-djalogu soċjali f’Malta u kif dan iservi ta’ kumitat konsultattiv għax-xogħol tal-Gvern f’Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Sekkouri spjega kif il-Marokk qed taħdem fuq proġetti ta’ taħriġ vokazzjonali, li jiffukaw primarjament fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u s-snajja’, kif ukoll kellu kliem ta’ tifħir għal mod ta’ kif f’pajjiżna id-djalogu soċjali qed iħalli riżultati konkreti.

