Investiment ta’ €3 miljun mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) qed jittrasforma l-infrastruttura tad-drenaġġ f’Wied iż-Żurrieq fil-Qrendi, billi għall-ewwel darba jgħaqqad din iż-żona man-netwerk tad-drenaġġ taż-Żurrieq.
Il-proġett se jelimina d-dipendenza li ilha teżisti fuq il-fosos privati, u b’hekk se jwassal għal titjib fl-ambjent u s-saħħa pubblika fiż-żona.
Saret żjara fuq ix-xogħlijiet li għaddejjin mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WSC Karl Cilia u membri tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi, inkluż is-Sindku David Schembri. Matul iż-żjara ġie diskuss il-progress li qed isir fuq l-elementi differenti tal-proġett li qed javvanzaw.

Il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat l-importanza usa’ tal-proġett, u ddeskrivietu bħala eżempju ċar ta’ kif l-investiment fl-infrastruttura jtejjeb direttament il-kwalità tal-ħajja filwaqt li jipproteġi l-ambjent. “Għal snin sħaħ, il-familji u n-negozji f’Wied iż-Żurrieq kellhom jiddependu fuq fosos privati, bl-inkonvenjent u r-riskji ambjentali kollha li jiġu magħhom. Dan il-proġett qed ibiddel din ir-realtà, darba għal dejjem, u juri l-impenn tagħna biex ikollna infrastruttura moderna li tissalvagwardja l-widien, l-ilma tal-pjan, u l-komunitajiet tagħna, filwaqt li nagħtu servizz aktar dinjituż u sostenibbli lir-residenti.”
Fil-qalba tal-proġett hemm ir-rising main il-ġdid, li se jippompja d-drenaġġ minn Wied iż-Żurrieq lejn iż-Żurrieq permezz ta’ żewġ pumping stations. Din il-parti tax-xogħlijiet issa waslet biex titlesta, bil-pipeline kważi kollu f’postu diġà. Il-kostruzzjoni ta’ dawn iż-żewġ stations, li huma essenzjali minħabba d-distanza u d-differenza fl-elevazzjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet, bdiet ukoll u qed timxi ‘l quddiem skont l-iskeda tal-proġett. Fl-istess ħin, ix-xogħlijiet fuq il-gravity main, li jinvolvi l-konnessjoni inkrimentali tad-djar u t-toroq biex id-drenaġġ imur lejn l-ewwel pumping station, huma iktar minn nofshom lesti, u b’hekk qed ikun żgurat li aktar djar ikunu preparati biex jingħaqdu man-netwerk.
Il-proġett jifforma parti minn sforz nazzjonali biex intejbu s-sistemi tad-drenaġġ ta’ Malta, innaqqsu r-riskji tat-tniġġis, u niżguraw li l-komunitajiet kollha jibbenefikaw minn servizzi affidabbli u favur l-ambjent.
Ix-xogħlijiet qed isiru kemm matul il-ġurnata kif ukoll matul il-lejl, f’koordinazzjoni sħiħa mal-komunità ta’ Wied iż-Żurrieq. Ladarba jitlesta, in-netwerk tad-drenaġġ ta’ Wied iż-Żurrieq se jirrappreżenta investiment fit-tul lejn is-sostenibbiltà, u se jappoġġja kemm lir-residenti kif ukoll lill-attività ekonomika fiż-żona għad-deċenji li ġejjin.

Il-Kap Eżekuttiv Karl Cilia enfasizza li l-proġett huwa parti mill-impenn ġenerali tal-WSC li ttejjeb in-netwerk tad-drenaġġ tagħha madwar Malta u Għawdex. “Ladarba x-xogħlijiet jitlestew, il-komunità fiż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq se tkun konnessa man-netwerk tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni. Dan l-investiment importanti huwa parti minn diversi xogħlijiet li qed nagħmlu biex intejbu n-netwerk tad-drenaġġ tagħna, sabiex niżguraw li l-pubbliku jirċievi l-aqwa servizzi possibbli tad-drenaġġ, filwaqt li nenfasizzaw l-impenn tagħna lejn is-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent.”

