Minn korrispondent u qarrej regolari ta’ dan is-sit.
L-isfida numru wieħed li għandu l-Partit Laburista u li telfitu eluf ta’ voti, hi l-governanza tajba. Kull fejn tkun tisma’ stejjer li għal dawk (eluf siekta) li jemmnu fis-serjeta’, kontabilita’, transparenza u meritokrazija jdarsuk bil-kbir.
Dawn in-nies jivvutaw biex ikun hawn tmexxija soda u li tagħmel dak li hu sew u mhux bil-maqlub!! Numru ta’ ministri nkompetenti f’xogħolhom u li ħsiebhom biss fil-bażi elettorali tagħhom.

Il-qasam tal-housing soċjali għandu l-isfidi tiegħu li minn dejjem kienu u jibqgħu. Kull amministrazzjoni kellha tiffaċċja din l-isfida.
Imma l-akbar sfidi f’dan is-settur hija l-ġungla ta’ prezzijiet tal-propjeta’ u l-livell ta’ propjeta’ li hawn illum fis-suq. Propjeta’ litteralment gabubi bi prezzijiet fenominali.
Kull min għandu żgħażagħ fl-għoxrinijiet tagħhom jaf bil-problemi kbar li hemm f’dan is-settur. Għalkemm il-gvern ħoloq skemi fiskali sabiex jgħin, dawn inbelgħu mill-iżviluppaturi u l-povri żgħażagħ tagħna, iridu jew ma jridux, ikollhom jaraw kif ser isibu propjeta’ diċenti bi prezz mhux ta’ barra minn hawn.
Inutli l-Prim Ministru jgħid li ser jitkellem mal-imsieħba soċjali dwar kif il-ġenituri ser ikollhom aktar ħin mal-familja. Iż-żgħażagħ tagħna l-akbar inkwiet tagħhom hu kif u meta ser iħallsu d-djun kbar li qed ikollhom jidħlu għalih.
Jistgħu jaħsbu biex ikollhom familja?
Niddubita. Għalhekk il-kopji tagħna mhux qed jaħsbu biex ikollhom aktar tfal. It-tfal iridu ħafna ħin (apparti l-flus) u llum min jidħol għall-piż tal-propjeta’ qed jistinka ħinijiet twal biex ilaħħaq mar-repayments tas-self mill-banek.
Hemm bosta sfidi oħra; bħat-traffiku, konnettivita’ ma’ Għawdex, iż-żieda fil-popolazzjoni, l-għoli tal-ħajja, s-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni (bin-numru kbir ta’ tfal barranin li qed jiffaċċjaw l-għalliema tagħna). Jekk il-PL irid jirbaħ l-elezzjoni jrid jikkonvinċi kif ser jindirizza b’mod tanġibbli dawn l-isfidi.

