Ir-riforma tal-Qorti tal-Familja li nieda l-Gvern f’dawn l-aħħar ġimgħat qed tiġi ppreżentata bħala pass storiku favur il-familji Maltin u, fuq kollox, favur it-tfal li spiss jispiċċaw vittmi siekta ta’ proċessi legali twal u emozzjonalment diffiċli bl-aljenazzjoni tal-ġenituri. F’pajjiż fejn is-separazzjonijiet u l-familji komposti differenti m’għadhomx eċċezzjoni, iżda realtà soċjali dejjem aktar komuni, il-messaġġ politiku hu ċar: is-sistema preżenti ma baqgħetx taħdem kif suppost u hemm bżonn ta’ bidla.
Mill-aspett politiku, din ir-riforma tidħol perfettament fin-narrattiva li l-Gvern ilu jimbotta għal snin sħaħ, dik ta’ stat li mhux biss jikber ekonomikament, iżda li jintervjeni wkoll f’oqsma sensittivi tas-soċjetà biex “ipoġġi lin-nies fiċ-ċentru”. Il-familja, bħala unità soċjali fundamentali, saret pilastru importanti ta’ din il-viżjoni. Għaldaqstant, din ir-riforma hija risposta ġenwina għal problema strutturali u għalhekk, għandha tkun riforma ‘ħajja’ għar-realtajiet eżistenti.
Wieħed ma jistax jiċħad li l-proċessi fil-Qorti tal-Familja kienu, għal ħafna snin, sinonimi ma’ dewmien, konfużjoni u frustrazzjoni. Ġenituri li jistennew snin biex ikollhom deċiżjoni finali fuq il-kustodja jew l-aċċess, u tfal li jikbru f’ambjent ta’ inċertezza legali, huma xhieda ċara li sistema bħal din għandha bżonn tiġi riveduta. F’dan is-sens, l-argument tal-Gvern li hemm bżonn ta’ qorti aktar speċjalizzata u proċeduri aktar effiċjenti, jagħmel sens u jindirizza sentiment mifrux fost il-popolazzjoni.
F’dan il-kuntest, ma nistgħux ninjoraw il-ħsara profonda li l-aljenazzjoni tal-adulti u l-‘gaslighting’ iħallu fuq il-minorenni. Tfal li jiġu esposti kontinwament għal narrattivi manipulattivi, fejn ġenitur jiġi ppreżentat bħala “l-ħażin/a” jew “il-perikoluż/a”, spiss jispiċċaw b’sens ta’ konfużjoni identitarja, ansjetà u ħtija li ma tifhimx. Meta t-tfal jiġu mġiegħla jieħdu naħat jew jgħixu f’realtà bħal din, il-konsegwenzi ma jispiċċawx fit-tfulija, iżda jkomplu jakkumpanjawhom fl-adoloxxenza u fl-età adulta, f’relazzjonijiet instabbli u diffikultajiet emozzjonali profondi. L-istennija twila għal deċiżjonijiet ċari ma tagħmilx ħlief tkabbar dawn il-feriti siekta.
Hawnhekk tidħol il-biża’ li r-riforma tispiċċa tkun aktar bidla fil-forma milli fil-kontenut. Jekk il-bidliet strutturali ma jiġux sostnuti minn riżorsi adegwati, minn investiment reali f’servizzi ta’ appoġġ u minn implimentazzjoni sensittiva għar-realtajiet soċjali, allura r-riskju huwa li l-problemi preżenti jiġu biss imċaqalqa minn livell għal ieħor. Sistema aktar mgħaġġla mhijiex awtomatikament sistema aktar ġusta, speċjalment meta qed nitkellmu dwar relazzjonijiet familjari kumplessi u emozzjonijiet profondi.
Minn perspettiva personali, nemmen li r-riforma għandha tkun opportunità biex nibdlu l-mentalità, mhux biss il-liġi. Il-ġustizzja fil-qasam tal-familja għandha tkun ibbażata fuq empatija, bilanċ u sens ta’ responsabbiltà soċjali, u mhux biss fuq skedi ta’ żmien u proċeduri amministrattivi. Il-politika għandha r-responsabbiltà li tmexxi din il-bidla b’mod onest u trasparenti, anke jekk dan ifisser li tirrikonoxxi li r-riforma hija proċess u mhux soluzzjoni immedjata.
Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riforma tal-Qorti tal-Familja tista’ tkun pass importanti ’l quddiem, iżda s-suċċess tagħha se jitkejjel mhux mill-liġijiet li jgħaddu, iżda mill-esperjenzi reali tal-familji li jkollhom jgħixu taħtha. Jekk il-politika tassew trid tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, allura trid tkun lesta tisma’, tirrevedi u taġġusta, u dan hu eżattament dak li qed iwettaq Gvern Laburista. Il-minuri m’għandhom qatt jispiċċaw ballun ta’ pika bejn l-adulti, u fejn dan iseħħ, il-ġustizzja għandha titwettaq magħhom.

