Il-Viżjoni Ġeopolitika ta’ Donald Trump

Neville Gafa

~ 19 hours ago

Il-Viżjoni Ġeopolitika ta’ Donald Trump

Il-viżjoni ġeopolitika tal-President Amerikan Donald Trump hija kompletament differenti mill-istrateġija globalista li kienet dominanti taħt amministrazzjonijiet  preċedenti. Mhux biss taħt tmexxija Demokratika, iżda wkoll taħt dawk Repubblikani bħall-Amministrazzjoni ta’ GeorgeW. Bush. Trump jiddikjara b’mod miftuħ l-eġemonija Amerikana bħala prinċipju ċentrali tal-politika barranija tiegħu, eġemonija li tħaddan diversi livelli u oqsma ta’ kontroll.

 

L-ewwel priorità hi li jistabbilixxi dominanza sħiħa tal-Istati Uniti fil-kontinent Amerikan. Dan jidher b’mod ċar fl-aħħar verżjonijiet tal-Istrateġija tas-Sigurtà Nazzjonali, fejn Trump jirreferi direttament għad-Duttrina Monroe u jinterpetaha mill-ġdid skont il-viżjoni tiegħu.

 

Id-Duttrina Monroe ġiet ifformulata mill-President James Monroe fit-2 ta’ Diċembru 1823, fid-diskors annwali tiegħu lill-Kungress. Il-prinċipju fundamentali tagħha kien li d-Dinja l-Ġdida tkun kompletament indipendenti mid-Dinja l-Qadima, jiġifieri mill-potenzi kolonjali Ewropej. L-Istati Uniti kienu ppreżentati bħala l-forza politika u ekonomika ewlenija li kellha tiggarantixxi din l-indipendenza għall-pajjiżi fil- kontinent Amerikan. Għalkemm qatt ma ġie speċifikament ddikjarat li l-kolonjaliżmu Ewropew kien qed jiġi sostitwit b’eġemonija Amerikana, fir-realtà kienet ġiet implimentata.

 

James Monroe

 

Fl-interpretazzjoni kontemporanja tagħha, inkluż l-emendi introdotti minn Trump, id-Duttrina Monroe tfisser:

 

• Sovranità sħiħa u assoluta tal-Istati Uniti;

 

• Indipendenza minn kwalunkwe Istituzzjoni transnazzjonali;

 

• rifjut ċar tal-globaliżmu;

 

• tnaqqis (possibbilment ghal kollox) ta’ influwenza ġeopolitika minn potenzi rivali fil-kontinent Amerikan b’mod partikolari miċ-Ċina, ir-Russja u l-pajjiżi Ewropej;

 

• introduzzjoni ta’ eġemonija militari, politika u ekonomika diretta tal-Istati Uniti fil-kontinent Amerikan.

 

Din id-duttrina tinkludi wkoll il-promozzjoni ta’ reġimi ‘pro’ Washington fl-Amerika Latina, it-tneħħija ta’ mexxejja politiċi mhux allineati mal-interessi Amerikani, u l-indħil fl-Affarijiet Interni ta’ Stati Sovrani bil-pretest tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga, l-immigrazzjoni illegali jew il-komuniżmu, kif jidher fil-każijiet tal-Venezwela, Kuba u n-Nikaragwa. F’dan is-sens, il-politika ta’ Trump hija kontinwità aktar milli bidla tal-mudell li l-Istati Uniti ilhom jattwaw sa mis-seklu għoxrin.

 

Donald Trump

 

In-novità vera tad-duttrina “Trumpista” tinsab fl-ambizzjoni tiegħu li jannessa Greenland u l-Kanada, kif ukoll fl-attitudni tiegħu li hi ta’ spiss konfrontattiva fil-konfront tal-Ewropa u l-imsieħba tal-NATO. L-Istati Uniti qed tippreżenta ruħha bħala imperu ċentrali.

 

Din il-viżjoni hija inkorporata fl-islogan ewlieni ta’ Trump: “Make America Great Again”, jew dak assoċjat miegħu, “America First.” Matul it-tieni Presidenza tiegħu, Trump qed isegwi din il-linja b’mod ferm aktar aggressiv u konsistenti milli kien għamel fl-ewwel mandat, b’konsegwenzi profondi fuq il-bilanċ tal-poter globali.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *