Investiment rekord ta’ €6.5 miljun fil-grid tal-elettriku biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni

Neville Gafa

~ 1 hour ago

Investiment rekord ta’ €6.5 miljun fil-grid tal-elettriku biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni

Konnessjoni ġdida taħt l-art ta’ 132kV se żżid il-kapaċità taċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-Mosta b’25% – l-ikbar investiment f’network ta’ vultaġġ għoli fl-aħħar snin

 

 

 

 

Għaddejjin b’ritmu tajjeb ix-xogħlijiet fuq wieħed mill-ikbar investimenti infrastrutturali li saru mill-Enemalta f’dawn l-aħħar snin. Il-proġett jikkonsisti f’konnessjoni ġdida taħt l-art ta’ 132kV li se tgħaqqad flimkien it-Terminal tal-Interconnector fil-Magħtab maċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mosta.

 

Dan il-proġett jifforma parti kruċjali mill-isforzi tal-Enemalta biex jiġu kkonsolidati u msaħħa l-konnessjonijiet ewlenin tal-Interconnector bejn Malta u Sqallija u n-network tad-distribuzzjoni lokali tal-elettriku.

 

Il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, il-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Inġ. Ryan Fava żaru s-sit tal-proġett biex jaraw mill-qrib il-progress tax-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa.

 

 

B’investiment ta’ €6.5 miljun, qed jiżdied cable ġdid ta’ 11-il kilometru b’vultaġġ għoli fin-network eżistenti tal-Enemalta u b’hekk, se jespandi l-kapaċità ġenerali tat-trażmissjoni tal-elettriku waqt li se jsaħħaħ u jtejjeb l-flessibbiltà tan-network nazzjonali. Meta jitlesta, il-proġett se jżid madwar 140MW tal-kapaċità fiċ-ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mosta li jfisser żieda ta’ 25% tal-kapaċità totali f’dan iċ-ċentru.

 

Dan il-proġett jirrappreżenta tisħiħ strateġiku tal-infrastruttura tal-elettriku f’Malta li se ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija f’pajjiżna. Il-konnessjoni l-ġdida se tipprovdi aktar flessibbiltà operattiva fil-mod kif l-elettriku jgħaddi min-network, tnaqqas il-vulnerabbiltà meta jinqalgħu l-ħsarat u tippermetti li tintlaħaq aħjar id-domanda tal-lum u ta’ għada.

 

L-aħħar darba li l-Enemalta estendiet in-network tagħha ta’ 132 kV kien fl-2016 meta f’dik is-sena, saret konnessjoni ta’ madwar 2 kilometri bejn iċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni ta’ Ħal Qormi u Marsa North. Il-proġett attwali, li jkopri 11-il kilometru, jirrappreżenta żieda ta’ ħames darbiet mill-aħħar proġett.

 

Hekk kif Malta qed tkompli ssaħħaħ is-settur tal-enerġija, anke permezz tal-Interconnector bejn Malta u Sqallija, investimenti ta’ din ix-xorta huma essenzjali sabiex ikun żgurat li l-network nazzjonali tal-elettriku jiflaħ biżżejjed il-ħtiġijiet attwali kif ukoll id-domanda dejjem tikber għall-futur.

 

“Meta tħares fejn kien in-network tal-enerġija ta’ Malta għaxar snin ilu u fejn jinsab illum, it-trasformazzjoni hija waħda kbira ħafna – iżda fadal iktar xogħol xi jsir. Il-konnessjoni ta’ 132kV li qed nibnu hija bla dubju waħda mill-aktar inizjattivi importanti. Mingħajr network b’saħħtu li kapaċi jiflaħ għal domandi akbar ta’ elettriku minħabba ekonomija li qed tikber, l-ebda waħda mill-ambizzjonijiet tagħna ma jista’ tintlaħaq. Dan il-proġett iżid 140MW tal-kapaċità taċ-Ċentru ta’ Distribuzzjoni fil-Mosta. Mhux biss qed nibnu biss għall-bżonnijiet tal-lum, iżda wkoll għal għada,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

 

 

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li dan il-proġett jirrifletti l-ħidma u l-użu għaqli ta’ fondi Ewropej biex jissaħħu infrastrutturi essenzjali għall-pajjiż u biex jinħolqu pedamenti aktar sodi għall-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli tal-ġejjieni. Huwa spjega li investimenti bħal dawn mhux biss itejbu l-effiċjenza u l-affidabbiltà tan-network tal-elettriku, iżda jagħtu wkoll aktar stabbiltà lill-familji u lin-negozji: “Grazzi għall-appoġġ ta’ fondi Ewropej qed nassiguraw li l-provvista tal-elettriku ta’ pajjiżna tibqa’ waħda effiċjenti u sostenibbli mhux biss għall-preżent, iżda anke għall-futur.”

 

L-Inġ. Ryan Fava qal, “Ħdax-il kilometru ta’ cable taħt l-art għal vultaġġ għoli mhuwiex proġett żgħir – la f’termini ta’ inġinerija, la loġistika, u lanqas investiment. Dak li jagħmel dan il-proġett partikolarment sinifikanti mhuwiex biss l-iskala tiegħu, iżda kif se jibdel il-mod kif inħaddmu n-network. Bħalissa, il-konnessjonijiet bejn l-Interconnector Malta-Italja u s-sistema tagħna ta’ distribuzzjoni għandhom il-limiti tagħhom. Dan il-proġett se jelimina numru ta’ limitazzjonijiet billi se jagħti lill-operaturi tan-network aktar flessibbiltà fil-mod kif titqassam l-enerġija, soluzzjonijiet iktar effettivi f’każ li tinqala’ ħsara u aktar kapaċità ġenerali meta d-domanda fuq in-network qed tkompli tiżdied.”

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. saviour stivala February 24, 2026

    Kumbinazzjon illum kena qtuh tad-dawl il-Mosta.

    Reply

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *

ERROR: Sorry, human verification failed.