Strument amministrattiv ġdid tal-OHSA biex isaħħaħ il-prevenzjoni f’każ ta’ temp estrem

Neville Gafa

~ 59 minutes ago

Strument amministrattiv ġdid tal-OHSA biex isaħħaħ il-prevenzjoni f’każ ta’ temp estrem

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ il-kultura tal-prevenzjoni, ir-responsabbiltà u l-ogħla standards ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan meta kien qiegħed jindirizza Business Breakfast organizzat mill-OHSA u t‑Times of Malta bit-tema “Beyond Compliance Towards Elevating Workplace Well-Being in Malta”.

 

Filwaqt li rrefera għar-riformi u l-investiment li sar fl-aħħar snin fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, ħabbar li se tiddaħħal fis-seħħ strument amministrattiv ġdid b’saħħa legali li jistabbilixxi miżuri obbligatorji f’każ ta’ temp estrem.

 

 

Dan l-istrument ġie żviluppat wara l-esperjenzi riċenti ta’ maltemp qawwi li affettwa lill-pajjiż u li enfasizza l-ħtieġa ta’ qafas aktar ċar u infurzabbli sabiex jiġu protetti l-ħaddiema, b’mod partikolari dawk li jaħdmu fuq barra.

 

L-istrument jidħol fis-seħħ meta tinħareġ twissija ħamra mill-awtoritajiet kompetenti u jinkludi miżuri ta’ prevenzjoni obbligatorji, inkluż risk assessment u pjanijiet ta’ kontinġenza, il-waqfien ta’ xogħlijiet fuq barra waqt kundizzjonijiet perikolużi u proċeduri ċari u strutturati għar-ritorn sigur fuq il-post tax-xogħol. Dan l-istrument kien suġġett għal konsultazzjoni pubblika u ġie ffinalizzat wara diskussjonijiet mal-imsieħba soċjali, inklużi rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

 

Il-Ministru żied jgħid li dan huwa t-tieni strument amministrattiv introdott mill-Awtorità fl-aħħar xhur, wara dak relatat ma’ temperaturi għoljin. “Dan juri kif il-liġi l-ġdida dwar is-Saħħa u s-Sigurtà qed tippermetti azzjoni aktar rapida u effettiva quddiem sfidi ġodda,” saħaq il-Ministru Attard.

 

Il-Ministru tenna li l-pass li jmiss għandu jkun kulturali: li l-organizzazzjonijiet ma jistennewx spezzjoni biex jaġixxu, iżda jinkludu l-benesseri fiżiċi, mentali u soċjali tal-ħaddiema bħala parti mill-governanza korporattiva tagħhom.

 

“Il-Gvern se jkompli jagħti l-qafas, ir-riżorsi u l-infurzar fejn hemm bżonn, iżda l-kultura tinbena biss permezz ta’ sħubija,” saħaq il-Ministru Attard. Fil-kuntest tal-Viżjoni Malta 2050, il-Ministru enfasizza li s-saħħa u s-sigurtà għandhom ikunu pilastru essenzjali ta’ żvilupp sostenibbli u kwalità tal-ħajja għall-ġenerazzjonijiet futuri.

 

 

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar, tat preżentazzjoni dettaljata dwar il-ħidma sinifikanti li wettqet l-Awtorità b’mod partikolari dwar kif b’investiment infrastrutturali, fir-riżorsa umana u teknika, l-Awtorità mhux biss saħħet l-infurzar, iżda daħlet iktar kultura ta’ kuxjenza, responsabbiltà u standards ogħla. “Is-saħħa u s-sigurtà mhumiex piż amministrattiv. Huma prijorità nazzjonali u investiment fil-ħajja u d-dinjità tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha,” sostniet Dr Josianne Cutajar.

 

Il-programm kompla b’diskussjoni minn panel li ġabar flimkien rappreżentanti ewlenin tal-imsieħba soċjali, fosthom Ivan Refalo, President tal-Malta Employers Association, Greta Rapa, membru tal-Kunsill tal-Malta Chamber of SMEs, Marthese Portelli, il-Kap Eżekuttiv ta’ The Malta Chamber, Kevin Camilleri, Deputat Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Vella Kap Eżekuttiv tal-UĦM, u George Steve Darmanin, President tal-MOSHPA. Id-diskussjoni ffukat fuq kif il-prinċipju ta’ “Beyond Compliance” jista’ jitwassal fil-prattika permezz ta’ tmexxija responsabbli, kollaborazzjoni u kultura ta’ prevenzjoni aktar soda fil-postijiet tax-xogħol.

 

Fid-diskors konklussiv tal-konferenza, ċ-Chairman tal-Bord tal-OHSA Pierre Fava tkellem dwar il-kollaborazzjoni b’saħħitha bejn il-bord u l-amministrazzjoni tal-Awtorità, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għad-djalogu li żvolġa fil-konferenza u saħaq li dan għandu jkun appuntament annwali li jikkonferma kemm l-Awtorità għandha l-bibien tagħha miftuħin għal djalogu u tisħiħ.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *