Fil-bidu ta’ Frar, Il-Gvern nieda l-ewwel fażi tar-riforma fil-Qorti tal-Familja li għandha twassal biex tipprovdi lill-familji b’qafas legali aktar effiċjenti u ta’ appoġġ li jista’ jgħinhom jinnavigaw it-tilwim tagħhom b’mod f’waqtu u sensittiv, filwaqt li tkompli tenfasizza l-importanza li jiġu prijoritizzati l-benessri tat-tfal fejn il-bżonnijiet tagħhom ikunu fuq quddiem fi kwalunkwe proċedimenti legali.
L-għan ewlieni ta’ din ir-riforma, huwa dak illi tbiegħed in-nies mil-Qorti u jissaħħaħ b’mod tanġibbli l-proċess ta’ medjazzjoni, investiment f’aktar professjonisti sabiex jinħoloq bilanċ xieraq.

Tajjeb li nsemmu wkoll li din ir-riforma, li hija parti mill-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, se twassal għat-twaqqif ta’ Qorti tal-Familja distinta u mhux aktar biss sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili.
L-aktar punt kruċjali fl-opinjoni tiegħi hu li din se jkollha mħallfin imħarrġa u speċjalizzati, u li l-ħidma tagħhom se tkun ikkumplimentata bi struttura amministrattiva.
Għaliex qed ngħid dan?
Huwa sigriet magħruf li bħalissa f’Malta qed ikollna rġiel affettwati b’mod ħażin għal raġunijiet ta’ preġudizzju sistematiku li jaħdem kontra tagħhom, partikolarment fil-mod kif jiġu ttrattati t-talbiet waqt proċeduri ta’ separazzjoni. U hawn qegħdin nitkellmu dwar rġiel li jidhru quddiem l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima.

Jacqueline Padovani Grima
Fejn jirrigwarda din l-Imħallef, applikazzjonijiet minn irġiel fejn tidħol kustodja, drittijiet ta’ aċċess jew diviżjoni ġusta tal-proprjetà jiġu miċħuda jew jitħallew mingħajr deċiżjoni għal perjodi twal.
Dan kollu jqajjem mistoqsijiet serji dwar ksur tal-prinċipju fundamentali tal-ugwaljanza.
L-aġir tal-Imħallef Padovani Grima qed iwassal għal inġustizzji fil-proċeduri ta’ separazzjoni. Deċiżjonijiet ta’ Imħallef li taħseb li ħadd ma jista’ għaliha għaliex ġejja minn familja elitista, u li qed tqanqal rabja kif ukoll tħassib serju dwar l-imparzjalità istituzzjonali.
Agħar minn hekk, dan l-aġir tad-dardir minn naħa tagħha qed jirrifletti ħażin ukoll fuq il-Gvern, għax minn naħa qed iwiegħed ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd, iżda meta xi raġel jidher quddiemha jiġi umiljat u ttrattat ta’ żibel. Dan mhux qed jgħidu Neville Gafa’, iżda għexieren ta’ rġiel li għamlu kuntatt magħna eżatt wara li bdejna niktbu dwar il-Qorti tal-Familja.
Numru ta’ rġiel qasmu esperjenzi personali u stqarrew li sofrew żvantaġġ sistematiku f’kawżi preseduti mill-Imħallef Jacqueline Padovani Grima.
Dan is-sit ma waqafx hemm. Tlabna l-opinjoni ta’ diversi avukati mustaċċuni u li ilhom iservu fil-Qrati tal-Ġustizzja għal ħafna snin. Kollha ikkonfermaw l-allegazzjonijiet ta’ dawn l-irġiel. Interessanti l-fatt li saħansitra avukati magħrufa li mhumiex simpatizzanti tal-Gvern attwali ikkonfermaw li bl-aġir tagħha, din l-Imħallef qed toħloq aktar problemi milli tnaqqashom.

Jacqueline Padovani Grima
Jidher ċar li din mhux kwistjoni ta politika. Għal min ma jafx, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima ġejja minn familja arċi Nazzjonalista. Fl-1991, Padovani nħatret Maġistrat mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, biex b’hekk kienet l-ewwel mara li ngħaqdet mal-Ġudikatura ta’ Malta. Fl-2012, Padovani Grima nħatret Imħallef mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, u fl-2018 ġiet assenjata fil-Qorti tal-Familja fejn għadha hemm sal-lum.
Il-Maġistrat Padovani Grima tgħid li tħobb iddoqq il-pjanu kif ukoll tagħmilha ta’ ġardinar fil-ħin liberu tagħha. Aktar ‘il quddiem niktbu wkoll dwar kif tqatta’ l-ħin liberu.

