Onor. Clayton Bartolo: “Attakki biex ifixklu proċess li riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu”

Neville Gafa

~ 3 weeks ago

Onor. Clayton Bartolo: “Attakki biex ifixklu proċess li riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu”

Matul din l-aħħar sena, jien u marti Amanda konna suġġetti għall-investigazzjoni mill-FCID. Dan wara rapport li sar mill-FIAU, liema rapport spiċċa leaked fil-gazzetti.

 

Investigazzjoni li kienet komprensiva u wiesgħa min-naħa tal-pulizija sa minn qabel Diċembru 2024. Matul dan iż-żmien aħna kkoperajna bis-sħiħ mal-awtoritajiet ikkonċernati, provdejna kull informazzjoni li ġiet mitluba minna u poġġejna fiduċja sħiħa fil-proċess tal-investigazzjoni. Kien żmien li matulu l-pulizija saħansitra marru barra minn Malta sabiex iġibu r-risposti li kienu qegħdin ifittxu.

 

Fl-istess waqt, għaddejna dan iż-żmien kollu b’attachment order, li tfisser li ma kellniex aċċess għal flusna, u dan b’detriment għalina u għall-familja tagħna. Ma hi faċli xejn tipprova tgħix ħajtek b’dan il-mod, iżda bil-paċenzja kollha stennejna li l-investigazzjoni tieħu l-perkors tagħha b’mod indipendenti u ħieles minn kull pressjoni.

 

Madankollu, fl-aħħar sigħat ġejna affaċċjati mill-midja b’ċerti domandi dwar l-investigazzjoni li nkwetawna dwar il-mod ta’ kif miexi l-proċess kollu. Dan għaliex dawn il-mistoqsijiet huma l-istess li konna diġa weġibna għalihom fil-perkors tal-investigazzjoni, li issa hija konkluża.

 

Allura issa qegħdin ngħidu li persuna għax tkun mara ta’ Ministru ma tistax taħdem fil-privat? Possibbli ġejna f’sitwazzjoni li rridu nindaħlu fil-ħajja privata tan-nies u fejn jaħdmu jew kemm jaqilgħu flus? Għax hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq kwistjoni ta’ xogħol fil-privat u mhux mal-Gvern.

 

Aħna għandna rispett sħiħ lejn il-ġurnalisti u lejn ix-xogħol li jwettqu huma, iżda sfortunatament f’dan il-każ ingħataw informazzjoni skorretta u mhux kompluta, u li ma tagħmilx ġieh lill-fatti hekk kif wieħed jevalwahom.

 

Bl-akbar responsabbilità nistqarr li l-iskop wara dawn il-mistoqsijiet, u wara l-istorja li qegħda tiġi orkestrata bħalissa, huwa li ttawwal iż-żmien sabiex issir ġustizzja magħna. Ma hemm l-ebda każ, la fuqi u lanqas fuq marti, u s-sewwa jitlob li l-awtoritajiet ikkonċernati jiddikjaraw dan fil-pubbliku. Xi ħadd induna li wasal iż-żmien għal din id-dikjarazzjoni u għalhekk dan huwa biss attentat li għandu l-intenzjoni li b’xi mod jittardja din id-dikjarazzjoni milli ssir u b’hekk itawwal ukoll il-proċess ġudizzjarju.

 

Fuq kollox, l-intenzjonijiet huma ċari biex ikompli għaddej l-attakk fuqi u fuq familti bil-konsegwenza li nitwaqqaf milli nagħti s-servizz tiegħi lill-Partit Laburista. Din il-ħsara li qegħda ssir lilna qegħda ssir ukoll lill-Partit Laburista hekk kif minħabba f’hekk jiena għadni barra mill-Grupp Parlamentari Laburista u ma nistax ngħin lill-Partit kemm nixtieq. Jiena dejjem sħaqt li lest li nservi – kemm lill-Partit u anke lill-pajjiż.

 

B’umilta sħiħa nemmen li xogħli fuq il-bankijiet tal-Gvern u bħala Ministru ħallew riżultati li ħadd ma jista’ jiċħadhom. Infakkar li fl-agħar żminijiet tal-pandemija rajna industrija tat-turiżmu li baqgħet b’saħħitha. Bnejna sisien sodi u llum statistika wara l-oħra tikkonferma dan kollu. Ħidmieti kienet u tibqa’ man-nies. Huma l-akbar xhieda ta’ dak li nemmen fih. Fejn stajt dejjem kont ta’ spalla ma kull min kien ta’ rieda rrispetivament kienx Laburist, Nazzjonalist jew ta’ partiti oħra. U hekk nixtieq inkompli nagħmel.

 

Konxjament naf li dawn l-attakki qegħdin jiġu moħmija biex ifixklu proċess li riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu. Għalhekk nistenna li d-dikjarazzjonijiet neċessarji jsiru mill-aktar fis sabiex jiena nkun nista’ nkompli bix-xogħol tiegħi, nidħol lura fil-Grupp Parlamentari Laburista u nikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-istess Partit.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

1 Comment

  1. saviour stivala March 2, 2026

    In my opinion Clayton would have done better to have stayed as quite as possible. Kien jaqta figura ahjar, hu kienet issir inqas hsara lil partit.

    Reply

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *