Delegazzjoni Maltija fl-Irlanda biex tissokta x-xogħol dwar il-Work Life Balance Reform

Neville Gafa

~ 50 minutes ago

Delegazzjoni Maltija fl-Irlanda biex tissokta x-xogħol dwar il-Work Life Balance Reform

Delegazzjoni Maltija mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul tinsab f’Dublin fl-Irlanda għal żjara ta’ konsultazzjoni, sabiex tistħarreġ modi kif pajjiżna jista’ jkompli jsaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f’Malta.

 

Matul din iż-żjara ta’ jumejn, is-Segretarju Parlamentari Ellul kellu bosta laqgħat li matulhom ġew diskussi l-aqwa prattiċi dwar diversi oqsma, ewlenin fosthom ir-Remote Working u r-Right to Disconnect.

 

Punt kruċjali f’din iż-żjara kien l-iskambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi, bid-delegazzjoni Maltija taqsam l-esperjenza ta’ pajjiżna dwar il-ħidma b’rabta mal-Miscarriage Leave. Dan hekk kif il-Gvern Irlandiż qed jistħarreġ b’liema mod jista’ jimplimenta dan il-leave.

 

Fil-fatt, il-mudell uniku ta’ Malta ġie rikonoxxut mill-awtoritajiet Irlandiżi f’taħditiet mal-Ministeru għall-Intrapriża, t-Turiżmu, u x-Xogħol, u anke mad-Deputat Irlandiża Emer Currie, f’laqgħat li kellhom mas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

 

 

Dr Ellul spjega li din l-informazzjoni ntalbet mill-Gvern Irlandiż għaliex il-mudell Malti huwa uniku fid-dinja. Dan fl-istess waqt li fl-isfond tal-Work Life Balance Reform li tnediet il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern Irlandiż bħala wieħed mill-uniċi pajjiżi li daħħal dawn il-prattiċi qed jaqsam mal-Gvern Malti l-aqwa prattiċi marbutin mat-temi tar-Remote Working u r-Right to Disconnect.

 

Intant, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ħabbar ukoll li f’temp ta’ sebat ijiem mindu tnediet il-Work Life Balance Reform, fuq il-portal li tnieda apposta, diġà kien hemm aktar minn 450 sottomissjoni minn persuni interessati li jikkontribwixxu fit-tfassil tad-dokument li mbagħad se jmur għal konsultazzjoni pubblika.

 

Fl-Irlanda wkoll, is-Segretarju Parlamentari Ellul kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Protezzjoni Soċjali Irlandiż, Dara Calleary, bil-laqgħa tiffoka dwar bosta temi, ewlenin fosthom il-ħidma taż-żewġ pajjiżi fl-oqsma rispettivi.

 

Il-Ministru Calleary min-naħa tiegħu rringrazzja lil pajjiżna tal-informazzjoni marbuta mal-Miscarriage Leave, filwaqt li temm jgħid li huwa kruċjali li ż-żewġ pajjiżi jibqgħu jaħdmu flimkien sabiex tkompli tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn Malta u l-Irlanda.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *