Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma, ippreżentaw l-għotjiet tal-iskemi BOOST u INVEST lil diversi għaqdiet taż-żgħażagħ. Dan l-investiment huwa parti mill-istrateġija fit-tul tal-Gvern biex jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ bħala ċittadini attivi u responsabbli li jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà tagħna.
Permezz tal-iskema BOOST, 131 benefiċjarju se jingħataw total ta’ kważi €380,000 biex jgħinhom fix-xiri ta’ riżorsi essenzjali u apparat. Din l-iskema hija mfassla preċiżament biex ittejjeb il-kapaċità u l-kwalità tax-xogħol tal-organizzazzjonijiet volontarji. Fl-istess waqt, l-iskema INVEST se tipprovdi għotja għall-operat ta’ tliet snin lil 9 benefiċjarji, b’baġit totali ta’ kważi €123,000 għas-sena 2026 biss, bil-għan li jittejbu l-istandards u l-kwalità tas-servizzi offruti liż-żgħażagħ.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti qal, “L-investiment li qed nagħmlu llum huwa xhieda diretta tat-twemmin tagħna li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq quddiem nett tat-tibdil u l-innovazzjoni. Dawn l-għotjiet mhumiex sempliċiment appoġġ finanzjarju, iżda huma dikjarazzjoni ta’ fiduċja fl-għaqdiet tagħna, li huma l-pilastri ħajjin ta’ demokrazija b’saħħitha. Bħala Gvern, se nkomplu nagħtukom l-għodda biex taħdmu u niżguraw li l-ebda idea tajba ma tieqaf minħabba nuqqas ta’ riżorsi jew materjal.”

Min-naħa tagħha, Miriam Teuma sostniet li, “Dawn iż-żewġ skemi mhumiex proġetti iżolati, iżda jeżistu biex jibnu settur taż-żgħażagħ reżiljenti u professjonali. Bl-appoġġ tas-Self-Assessment Tool li żviluppat l-Aġenzija fl-2023, qed niżguraw li l-prattiċi tal-organizzazzjonijiet volontarji jkunu konformi mal-ogħla standards ta’ kwalità. Din il-ħidma hija marbuta mill-qrib mal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ lejn l-2030, fejn il-mira tagħna hija li nsaħħu l-kooperazzjoni u ngħollu l-livell tas-servizzi li jirċievu ż-żgħażagħ tagħna.”
Hija rringrazzjat lill-benefiċjarji kollha għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom lejn il-komunità , u saħqet fuq l-importanza li l-organizzazzjonijiet ikomplu jinvestu fin-nies li jmexxu dawn is-servizzi.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, l-Aġenzija Żgħażagħ qed tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet volontarji billi tiffinanzja staffing costs u r-riżorsi meħtieġa. Dan l-investiment totali ta’ aktar minn €500,000 juri l-impenn tal-Gvern li jibqa’ spalla ma’ spalla mal-voluntiera li huma s-sinsla ta’ futur aħjar għal pajjiżna.

