Parteċipazzjoni b’saħħitha fil-Konsultazzjonijiet Pubbliċi dwar l-ewwel Strateġija Nazzjonali għas-Settur tas-Sajd

Neville Gafa

~ 9 hours ago

Parteċipazzjoni b’saħħitha fil-Konsultazzjonijiet Pubbliċi dwar l-ewwel Strateġija Nazzjonali għas-Settur tas-Sajd

Ittellgħu b’suċċess il-laqgħat bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li se twassal għall-ewwel Strateġija Nazzjonali għas-Settur tas-Sajd.

 

Il-laqgħat ta’ konsultazzjoni, organizzati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, saru fid-19 ta’ Frar f’Għawdex, fl-24 ta’ Frar f’Marsaxlokk, u fit-3 ta’ Marzu f’San Pawl il-Baħar. Dawn is-sessjonijiet laqqgħu flimkien sajjieda, rappreżentanti tas-settur u membri tal-komunità, fejn kellhom l-opportunità jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp ta’ qafas strateġiku fit-tul għas-settur.

 

Anton Refalo

 

Il-Ministru Anton Refalo sostna li l-ewwel Strateġija Nazzjonali għas-Settur tas-Sajd se tkun mibnija fuq prinċipji ċari ta’ sostenibbiltà ekonomika, responsabbiltà ambjentali u ġustizzja soċjali, b’miżuri konkreti li jindirizzaw ir-realtajiet tal-lum u l-isfidi tas-snin li ġejjin. Huwa enfasizza li s-sajjieda Għawdxin u Maltin għandhom rwol ċentrali fit-tfassil ta’ politika moderna li tħares il-kompetittività tas-settur, issaħħaħ l-aċċess għall-investiment u ttejjeb il-qafas regolatorju.

 

“Din l-istrateġija mhijiex biss dokument ta’ viżjoni, iżda pjan ta’ azzjoni b’għodod konkreti li jappoġġjaw lis-sajjieda tagħna fil-prattika ta’ kuljum. Il-Gvern jibqa’ dejjem lest li jagħti l-għajnuna meħtieġa, kemm permezz ta’ skemi ta’ sostenn finanzjarju u investiment fl-infrastruttura. L-impenn tagħna hu li nassiguraw li s-settur tas-sajd Malti jibqa’ vijabbli, reżiljenti u sostenibbli, filwaqt li nħarsu l-għajxien tal-familji li jiddependu minnu u l-wirt marittimu tagħna,” sostna l-Ministru Refalo.

 

 

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal-livell b’saħħtu ta’ parteċipazzjoni li ġie rreġistrat tul it-tliet laqgħat, filwaqt li nnutat li l-impenn tal-parteċipanti baqa’ konsistenti matul il-proċess kollu. Kompliet li dan kollu se jwassal għal strateġija msejsa fuq il-bżonnijiet reali tas-settur.

 

“Il-fatt li sajjieda u partijiet interessati attendew għat-tliet sessjonijiet ta’ konsultazzjoni juri l-impenn li jeżisti fil-komunitajiet tas-sajd tagħna sabiex nibnu futur sostenibbli u reżiljenti għas-settur. Il-parteċipazzjoni tagħhom ma kinitx biss simbolika iżda kienet waħda konkreta, dettaljata u mmirata lejn soluzzjonijiet fis-settur. Din l-istrateġija mhix qed tiġi mfassla wara bibien magħluqa, iżda qed tinbena flimkien mas-sajjieda stess. Kull kumment, kull proposta u kull tħassib li ssemma matul dawn il-konsultazzjonijiet se jikkontribwixxi għal qafas li jibbilanċja s-sostenibbiltà ekonomika, ir-responsabbiltà ambjentali u r-reżiljenza soċjali,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.

 

 

L-Istrateġija Nazzjonali għas-Settur tas-Sajd hi mmirata biex tipprovdi stabbiltà fit-tul lis-settur, issaħħaħ il-kompetittività tiegħu u tiżgura li l-wirt tas-sajd Malti jibqa’ jikber għall-ġenerazzjonijiet futuri. Aktar aġġornamenti dwar il-pubblikazzjoni tal-abbozz tal-istrateġija se jitħabbru fix-xhur li ġejjin. Il-Konsultazzjoni Pubblika hija miftuħa sat-13 ta’ Marzu u wieħed jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu billi jżur: https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2026/NL-0002-2026.aspx

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *