Tensjonijiet ġeopolitiċi, movimenti fil-kapital internazzjonali u pressjoni politika interna fl-Istati Uniti qed joħolqu periklu għall-ekonomija globali.

Żvilupp li qed jiġbed l-attenzjoni fl-isferi Finanzjarji Internazzjonali huwa l-possibbiltà ta’ rtirar gradwali ta’ bonds Għarab mis-suq Amerikan. Jekk moviment bħal dan iseħħ fuq skala kbira, jista’ jkollu konsegwenzi kbar għall-istabbiltà finanzjarja globali.
Fl-istess waqt, ġie rrappurtat li BlackRock naqqset drastikament il-limiti ta’ rtirar minn ċerti fondi tagħha u waqqfet temporanjament proċessi ta’ ħruġ kapitali. Miżuri bħal dawn normalment jittieħdu biss meta l-istituzzjonijiet finanzjarji jibdew jantiċipaw riskju sistemiku. Meta wieħed jikkunsidra wkoll iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u t-tnaqqis fl-indiċi finanzjarji globali, tinħoloq stampa ta’ sistema ekonomika li qed tidħol f’fażi ta’ pressjoni dejjem akbar.
Il-kunflitt mal-Iran jidher li qed ikollu impatt dirett fuq din id-dinamika. L-aspettattivi politiċi Amerikani kien li l-operazzjoni militari kontra l-Iran kellha tkun qasira u ta’ suċċess. Madankollu, ir-realtà strateġika tidher l- oppost u aktar kumplessa. L-Iran wera kapaċità li jassorbi l-ewwel daqqiet u fl-istess ħin iżomm l-għaqda madwar it-tmexxija politika u reliġjuża tiegħu. Din il-konsolidazzjoni soċjali u politika qed tagħmel kwalunkwe kalkolu ta’ rebħa rapida aktar diffiċli.
Kunflitti li jtawlu fi żmien joħolqu konsegwenzi ekonomiċi aktar profondi. Il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew u r-riskji tal-provvista jiżdiedu. Dawn l-effetti rarament jibqgħu limitati għal reġjun fejn ikun hemm il-gwerra, iżda jinfirxu mal-erbat irjieħ tad-dinja.
Fl-istess waqt, hemm dimensjoni politika interna li ma tistax tiġi injorata. Fl-Istati Uniti, l-appoġġ pubbliku għal kunflitt dirett mal-Iran huwa minimu. Il-koalizzjoni elettorali li tradizzjonalment appoġġat il-moviment MAGA kienet diġà bdiet turi sinjali ta’ qasma minħabba kontroversji interni u polemiċi politiċi oħra. Gwerra twila tista’ tkompli tpoġġi pressjoni fuq din il-bażi elettorali.
Barra minn hekk, il-perċezzjoni pubblika dwar il-kunflitti moderni qed tinbidel. F’era ta’ informazzjoni f’ħin reali u netwerks soċjali, l-operazzjonijiet militari ma jibqgħux biss kwistjoni strateġika jew militari; isiru wkoll battalja ta’ narrattivi. Fil-każ tal-operazzjoni militari magħrufa bħala EP – “Epic Fury,” diġà qed ikun hawn diversi interpretazzjonijiet satiriċi fuq il-midja soċjali Amerikana li jassoċjaw l-inizjali tagħha ma’ frażijiet oħra bħal “Epic Fail.” Dan juri kemm il-kontroll tan-narrattiva sar parti integrali mill-politika moderna.
Meta wieħed iħares lejn dawn l-elementi flimkien; tensjoni militari, qagħda finanzjarja fraġli u pressjoni politika interna, jidher ċar li s-sitwazzjoni attwali mhix biss episodju reġjonali. Hija parti minn trasformazzjoni ferm usa’ fil-mod kif il-poter, l-ekonomija u l-politika internazzjonali qed jintegraw.
Jekk dawn ix-xejriet jkomplu jissaħħu, id-dinja tista’ tkun qed tidħol f’perjodu fejn il-konfini bejn kriżi ġeopolitika u kriżi ekonomika jsiru dejjem aktar diffiċli biex jiġu separati. F’sistema globali bħal ma għandna bħalissa, l-impatt ta’ kunflitt wieħed jista’ jinfirex ferm lil hinn mill-kamp tal-battalja.

