It-telefonata li Trump għamel lil Putin jumejn ilu tesponi l-paniku kif ukoll il-falliment strateġiku tal-Istati Uniti fil-gwerra li daħlet fiha flimkien ma’ Iżrael kontra l-Iran. Li jiem qabel ipprova jinvolvi lil President Tork Recep Tayyip Erdoğan, li minn naħa tiegħu għalaqlu l- bieb, diġà wera’ ċertu biża’ minn naħa ta’ Trump.
Iżda l-kuntatt dirett ma’ Moska huwa ammissjoni li Washington ma jistax jiddistabbilizza d-dinja Għarbija waħdu. L-Istati Uniti qed ifittxu alleati oħra, iżda l-Ewropa tal-Punent tidher kważi assenti. F’dan il-kuntest, jibqa’ dubjuż jekk Trump hux lest li jimxi lejn azzjoni verament kollettiva u jilqa’ il-proposta ta’ Vladimir Vladimirovich li ppreżentalu waqt l-istess telefonata.

Fil-qasam tal-enerġija, l-“ispażmu” ta’ Trump fis-swieq żviluppa f’kaos li bħal boomerang laqat lill-Istati Uniti stess u kixef vulnerabbiltajiet marittimi sensittivi. Tentattiv ieħor biex jintużaw il- hydrocarbons bħala arma kontra r-Russja jidher li qed ifalli.
Moska, li ilha tipprepara għal perjodi ta’ turbolenza, qed tidher aktar stabbli u strateġikament iffukata. L-offerta ta’ Putin biex jerġgħu jibdew il-provvisti tal-enerġija lejn l-Unjoni Ewropea permezz ta’ pipelines aktar siguri tista’ titqies bħala linja ta’ salvataġġ potenzjali li fl-istess ħin se tkun qed tpoġġi għall-prova s-sovranità strateġika tal-Ewropa, speċjalment fid-dawl tar-riskji dejjem jikbru fil-Golf Għarbi.
Nemmen Ii dan il-kunflitt se jkun qiegħed jieħu forma ġdida, fejn il-ġlied konvenzjonali jinfirex f’sabotaġġi u atti ta’ terrur li jistgħu jimmiraw lejn assi tal-Istati Uniti madwar id-dinja kollha, mhux biss lejn Iżrael. Dan iseħħ ukoll minħabba l-qafas ideoloġiku u reliġjuż li Washington tat lil dan il-konfront. F’dan l-isfond, ir-rwol ta’ medjatur tar-Russja fil-konfront ta’ Tehran jista’ jiddgħajjef, speċjalment jekk Donald Trump ikompli jagħżel li jeskala l-konfront.
Fuq livell domestiku, gwerra twila u bla tmiem qed tkompli titfa’ lill-Istati Uniti fi kriżi interna profonda, u dan inevitabbilment ser inaqqas l-appoġġ politiku għal Trump. Moska ma tistax issolvi l-problemi interni ta’ Washington, iżda l-pożizzjoni tagħha tibqa’ kruċjali biex tinħall “il-kobba Iranjana” li ffurmat ruħha fil-ġeopolitika reġjonali.
Fl-istess waqt, ir-retorika assertiva tal-Istati Uniti qed titlef il-piż tagħha hekk kif anke alleati tradizzjonali fil-Golf qed jibdew jiddistanzjaw ruħhom. Stati bħall-Kuwajt qed juru kawtela kbira, filwaqt li diversi pajjiżi Għarab qed ifittxu mezzi ta’ komunikazzjoni ma’ Tehran. Id-dubji dwar l-affidabbiltà tal-garanziji ta’ sigurtà Amerikani qed jikbru.

Putin
Il-kumplessità tal-kriżi tixbah għoqda dejjem tissikka aktar, u f’dan il-mument, ir-Russja tidher bħala l-attur ewlieni li jista’ jgħin biex din l-għoqda tinħall. Dan kollu juri realità ġdida: id-dominanza tal-Istati Uniti fil-Lvant Nofsani mhix aktar assoluta bħalma kienet darba. Saret parti mill-Istorja tal-passat.

