Nippromwovu l-qari u l-kitba permezz tal-futbol bil-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’

Neville Gafa

~ 3 hours ago

Nippromwovu l-qari u l-kitba permezz tal-futbol bil-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, illum qassmet iċ-ċertifikati lill-parteċipanti tal-aħħar edizzjoni ta’ ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’, programm li għandu l-għan li jqanqal l-imħabba għall-qari u l-kitba permezz tal-futbol.

 

L-attività tal-lum, li saret fil-Ground Nazzjonali f’Ta’ Qali, saret f’għeluq il-ħmistax-il ċiklu ta’ dan il-programm.

 

 

Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, li issa ilha għaddejja minn April tal-2017, qal: “Din hija inizjattiva eċċellenti li permezz tagħha l-Aġenzija Nazzjonali għal-Litteriżmu qed tipprovdi l-istudenti bl-opportunità li jitgħallmu permezz ta’ xi ħaġa li jħobbu, l-isport. Dan il-programm huwa eżempju tajjeb ta’ mod ideali kif tgħallem permezz tal-isport, billi tgħaqqad flimkien żewġ aspetti importanti li jgħinu lit-tfal biex jiżviluppaw u jżidu l-għarfien tagħhom li jagħmlu xi ħaġa li jħobbu.”

 

Il-programm ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja / Footballers’ Read and Write Programme’, huwa mfassal apposta għat-tfal li jħobbu l-futbol u li qegħdin fir-raba’ u l-ħames sena fl-iskejjel primarji tal-gvern, li għalkemm ikollhom livell tajjeb ta’ qari, ma jqisux il-qari bħala l-aktar passatemp favorit tagħhom. L-Inizjattiva sportiva u edukattiva hija offruta kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, u tikkonsisti f’għaxar sessjonijiet ta’ qari u futbol li jitmexxew minn promoturi tal-litteriżmu u sports leaders flimkien.

 

 

Il-Ministru Grima rringrazzja lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom fosthom, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, kowċis u l-għalliema, tal-isforz biex dan il-programm ikun suċċess. “Il-qari u l-isport huma ta’ bżonn xulxin u dejjem għandu jkun hemm bilanċ,” qal il-Ministru Grima, filwaqt li nnota d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti biex it-tfal jipprattikaw l-isport u fl-istess ħin jabbinaw dan mal-qari. “Hemm ħin għal kollox u kollox huwa importanti, u tajjeb li nrawmu t-tfal tagħna japprezzaw kif iqassmu ħinhom bejn suġġetti varji, anki l-isport,” qal il-Ministru Grima

 

It-tema prinċipali tal-isport, f’dan il-każ il-futbol, tgħin biex it-tfal jitressqu lejn id-dinja tal-qari, fl-isfond tal-filosofija tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, li meta t-tfal jieħdu gost jagħmlu xi ħaġa, jitgħallmu u jirnexxu aktar.

 

 

Waqt l-attività tal-lum, madwar disgħin tifel u tifla minn tmien skejjel primarji, kellhom l-opportunità li jżuru l-Istadium Nazzjonali Ta’ Qali kif ukoll il-Mużew tal-Futbol. Minbarra dan, it-tfal ipparteċipaw f’tournament tal-football fis-Centenary Stadium. Kull parteċipant ingħata ballun żgħir, ktieb tal-qari, u ċertifikat ta’ parteċipazzjoni bħala tifkira.

 

‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ huwa wieħed minn għadd ta’ programmi edukattivi offruti mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, ilu għaddej minn April 2017 u tnieda mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bl-appoġġ sħiħ tal-Malta Football Association u Sport Malta.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *