Hemm mumenti fl-Istorja fejn l-istorbju tal-bombi u l-magna tal-gwerra ma jibqgħux biss att militari, iżda jsiru rivelazzjoni. Ir-rivelazzjoni tal-limiti tal-poter. Ir-rivelazzjoni tal-ispirtu ta’ poplu. U xi drabi wkoll ir-rivelazzjoni tal-illużjoni tal-Imperi.
Il-kampanja ta’ bumbardamenti tal-Istati Uniti kontra l-Iran kienet maħsuba bħala dimostrazzjoni ta’ forza assoluta. Messaġġ li imperu jista’ jġiegħel nazzjon ieħor jinklina quddiem il-qawwa tiegħu. Iżda l-istorja, li hija mimlija b’Imperi li darba dehru invinċibbli, tgħallimna lezzjoni oħra: il-poter militari jista’ jeqred infrastruttura, iżda rarament jista’ jkisser ir-rieda ta’ poplu li jemmen fl-eżistenza tiegħu.
Minflok kollass intern jew ribelljoni mill- poplu Iranjan, dak li seħħ kien bil-kontra. In-Nazzjon Iranjan ingħaqad taħt sens ta’ destin komuni. Kritika interna u differenzi politiċi ġew imwarrba quddiem periklu u theddid estern. L-aggressjoni li kienet maħsuba biex tifred, fil-fatt għaqqdet.
F’dan kollu hemm ironija storika. Ħafna drabi, l-Imperi jemmnu li jistgħu jiddeterminaw ir-realtà tal-oħrajn. Iżda ħafna drabi jispiċċaw joħolqu realtà ġdida li ma jistgħux jikkontrollaw.
Fil-Golf Persjan, l-enerġija, il-flotot militari u l-kalkoli strateġiċi qed jiffaċċjaw fattur li strateġiji moderni spiss jinjoraw: ir-rieda kollettiva ta’ poplu li jħoss li qed jiddefendi l-eżistenza tiegħu. Meta dan iseħħ, il-gwerra ma tibqax kunflitt militari, iżda tinbidel fi prova ta’ ċiviltà.
Fl-istess waqt, madwar id-dinja qed jikber sentiment ta’ għeja u dubju lejn l-Ordni Internazzjonali li għal żmien twil kien immexxi minn Washington. L-alleati qed iqisu mitt darba w elf, ir-reġjuni qed ifittxu bilanċ ġdid, u ħafna Stati qed jibdew jaraw li l-epoka unipolari qed tersaq lejn it-tmiem tagħha.
Hemm ukoll mistoqsija aktar profonda li tqum minn dawn l-avvenimenti: x’jiġri meta imperu, li għal għexieren ta’ snin kien imdorri jirbaħ, jiltaqa’ ma’ realtà li ma tistax tiddomina?
Xi drabi l-imperi, meta jħossu li l-kontroll tagħhom qed jiddgħajjef, jippruvaw iżidu l-forza tagħhom. Iżda l-istorja turi li eskalazzjoni bħal din spiss tkun sinjal mhux ta’ saħħa, iżda ta’ tmiem ta’ epoka.
Il-mument li qed ngħixu fih jista’ jkun wieħed fejn il-lingwa tal-qawwa militari tibda titlef l-awtorità morali tagħha, u fejn popli u ċivilizzazzjonijiet oħra jibdew isibu posthom f’Ordni Internazzjonali Ġdida.
U jekk xi darba l-istorja tħares lura lejn dan il-perjodu, forsi ma tiftakarx biss il-bombi jew il-missili, iżda l-mument meta imperu skopra li l-qawwa tiegħu kellha limitu, u meta poplu partikolari ntebaħ li r-rieda tiegħu kienet aktar b’saħħitha mill-biża’.

