Editorjal: Meta l-Istorja Tirrifjuta l-Kmand

Neville Gafa

~ 40 minutes ago

Editorjal: Meta l-Istorja Tirrifjuta l-Kmand

F’dinja li qed tinbidel b’veloċità kbira u perikoluża, fejn kull avveniment jidher li jinsab imdendel fuq ħajta, l-akbar żball intellettwali huwa l-pretenzjoni taċ-ċertezza. Illum, aktar minn qatt qabel, il-politika globali tinsab f’fażi li ma taċċettax tbassir simplistiku jew konklużjonijiet mgħaġġla. Min jiddikjara li jaf kif se jispiċċa kunflitt, kemm jekk f’sitt xhur jew f’terminu indefinit, mhux qed juri għarfien, iżda arroganza analitika.

 

AHRIMAN

 

L-unika pożizzjoni serja hija dik tal-osservazzjoni kritika: li ssegwi l-avvenimenti, tifhem il-loġika interna tagħhom, u tirrikonoxxi li l-Istorja għandha dinamika li ħafna drabi taqbeż kull kalkolu uman. Il-gwerra li qed naraw illum hija eżattament dan; fenomenu miftuħ, mhux magħluq; proċess, mhux konklużjoni.

 

Meta nħarsu lejn il-fatti, naraw kemm il-perċezzjoni inizjali kienet żbaljata. Dak li kien maħsub bħala operazzjoni rapida, kważi kirurġika, evolviet f’kunflitt li diġà qabeż kull aspettattiva temporali. Il-paragun ma’ xi kunflitti riċenti huwa mhux biss limitat, iżda qarrieqi. Din mhix ripetizzjoni; hija trasformazzjoni. Hija gwerra li, fin-natura tagħha, tikser il-mudelli preċedenti u tiftaħ fażi ġdida fil-konfront globali.

 


L-Iran,minkejja li sofra daqqiet devastanti, inkluż l-eliminazzjoni
ta’ parti sinifikanti tat-tmexxija tiegħu u attakki fuq infrastruttura vitali, ma waqax. Dan huwa fatt strateġiku kruċjali. Aktar minn hekk: ir-rifjut kategoriku tiegħu li jidħol f’negozjati meta jinsab taħt pressjoni massiva jindika mhux biss reżiljenza, iżda bidla fil-mentalità ġeopolitika. Dik hija l-aktar deċiżjoni għaqlija meħuda mill-Iran. Stat li ma jċedix taħt attakk kontinwu ma jistax jiġi analizzat bil-kategoriji tradizzjonali tal-kompromess.

 

Fl-istess ħin, ir-realtà fuq l-art qed tibqa’ parzjalment moħbija. Il-kontroll tan-narrattiva mill-mainstream media, inkluż dik f’pajjiżna, hija intrinsikament marbuta mal-interessi Amerikani u qed joħloq distorsjoni sistematika tal-perċezzjoni. Meta informazzjoni kritika dwar impatti interni f’Iżrael tiġi limitata jew minimizzata, il-pubbliku internazzjonali jitħalla jifforma opinjonijiet fuq realtà mhux kompluta. Dan mhux biss problema ta’ komunikazzjoni; huwa element attiv tal-gwerra nnifisha.

 

F’dan il-kuntest, qed naraw sinjali sottili iżda sinifikanti ta’ instabbiltà interni politiċi, strateġiċi u soċjali f’Iżrael. L-ambigwità madwar il-preżenza jew l-assenza ta’ ċerti figuri ċentrali bħal Netanyahu u Ben-Gvir, flimkien ma’ indikazzjonijiet ta’ tensjoni interna, jissuġġerixxu li l-kunflitt jista’ jkollu konsegwenzi li jmorru lil hinn mill-front militari. L-Istorja turina li xi drabi l-pressjoni esterna ma tikkawżax il-kollass tal-għadu, iżda tħaffef il-fratturi interni tiegħu. F’dan il-kuntest, mhux biss ma neskludix li r-Reġim Iranjan jibqa’ fil-poter, iżda li jkun hemm bidla fit-tmexxija Iżraelita.

 

Għalhekk, il-mistoqsija fundamentali mhix min se jirbaħ jew min se jinqered għal kollox. Il-mistoqsija vera għandha tkun: x’tip ta’ dinja qed titwieled minn dan il-kunflitt?

 


Qed nimxu lejn realtà fejn il-kunċett tradizzjonali ta’ Ordni Internazzjonali qed jiddgħajjef, fejn il-liġi qed titlef il-prijorità tagħha quddiem il-forza, u fejn l-Istati qed jitgħallmu li s-sopravivenza tiddependi mhux fuq l-alleanzi biss, iżda fuq il-kapaċità tagħhom li jifilħu għall-pressjoni massima.

 

F’dan il-mument storiku, l-iktar att responsabbli mhuwiex li tbassar iżda li tifhem. U forsi, aktar importanti minn hekk, li taċċetta li qed ngħixu fi żmien fejn l-inċertezza mhix eċċezzjoni, iżda l-Liġi l-Ġdida tal-Politika Globali.

 

Mhux Min Jaf Jirbaħ, Iżda Min Jiflaħ Jirbaħ. 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *