Ahriman, Ġesù u l-Gwerra tan-Narrattivi: Meta l-Fidi ssir Arma

Neville Gafa

~ 1 hour ago

Ahriman, Ġesù u l-Gwerra tan-Narrattivi: Meta l-Fidi ssir Arma

Ġimgħa ilu sostnejt li dan il-kunflitt mhux biss militari, iżda kunflitt li jmiss il-fond tat-twemmin u l-identità.  Illum, din il-qari qed issir aktar evidenti.

 

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan, Abbas Araghchi, attakka direttament lil Benjamin Netanyahu, u sejjaħlu “kriminal tal-gwerra,” filwaqt li akkużah li wera nuqqas ta’ rispett lejn Ġesù Kristu (PBUH). L-akkuża kienet abbażi diskors fejn AHRIMAN irrefera għall-istoriku Will Durant, li kien qal “good alone cannot defeat ruthless power without strength.”

 

Evalwaw mhux il-kliem innifsu, iżda kif qed jiġi interpretat.

 

 

Għall-Iran, din id-dikjarazzjoni mhix sempliċi riflessjoni storika. Hija simbolu ta’ mentalità fejn il-forza tissostitwixxi l-moralità, u fejn anke figuri spiritwali bħall-Ġesù jitpoġġew f’kuntrast ma’ loġika ta’ dominazzjoni u qerda. F’dan il-kuntest, il-kritika Iranjana tibni narrazzjoni morali: li huma qed jiddefendu mhux biss territorju, iżda prinċipji spiritwali kontra dak li jidhru bħala ċiniżmu tal-poter.

 

Din m’għadhiex biss gwerra ta’ territorju jew sigurtà. Hija gwerra ta’ interpretazzjonijiet: min għandu l-monopolju tal-ġustizzja? Min jista’ jippretendi li jirrappreżenta t-“tajjeb”? U fuq liema pedament morali, reliġjuż jew strateġiku tibni leġittimità f’dinja fejn il-Liġi Internazzjonali qed titlef is-saħħa tagħha?

 

Il-kunflitt bejn l-Iran u l-Iżrael qed jinbidel f’arena fejn il-kliem isir arma daqs il-missili. Kull diskors, kull referenza storika, kull kwotazzjoni reliġjuża qed tiġi mħaddma biex tinbena realtà. Realtà li mhix biss dwar min jirbaħ fuq il-kamp tal-battalja, iżda dwar min jirbaħ fil-kuxjenza tal-popli.

 

U forsi din hija l-aktar dimensjoni perikoluża: meta gwerra tespandi minn ġlied fuq l-art għal ruħ il-bniedem, ir-riżoluzzjoni tagħha ssir ferm aktar diffiċli. Għax ma tkunx aktar kwistjoni ta’ ftehim, iżda ta’ twemmin.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *