Meta l-Partit Nazzjonalista jipprova jitkellem dwar il-pensjonijiet, wieħed ma jistax ma jiftakarx fil-passat tiegħu stess. Għax il-verità hi ċara u dokumentata: kellhom 25 sena fil-Gvern biex isaħħu s-sigurtà tal-anzjani, iżda minflok, il-pensjonijiet baqgħu prattikament fil-friża.
Illum, ir-realtà hija kompletament differenti. Aktar minn 100,000 pensjonant qed igawdu minn ħdax-il żieda konsekuttiva fil-pensjoni. Miżuri konkreti li mhux biss indirizzaw inġustizzji tal-passat, iżda li taw dinjità ġdida lill-anzjani tagħna. Fil-fatt, illum l-inqas pensjoni laħqet il-livell tal-pensjoni massima ta’ tlettax-il sena ilu, indikazzjoni ċara ta’ kemm sar progress sostanzjali.

Robert Abela
U l-ħidma ma tieqafx hemm. Bil-miżura l-ġdida mħabbra mill-Prim Ministru, madwar 16,000 pensjonant se jibqa b’ €25 miljun ewro oħra fil-bwiet tagħhom. Dawn huma riżultati konkreti li jinħassu fil-ħajja ta’ kuljum.
Din hija d-differenza: bejn min jitkellem u min jaġixxi. Il-Partit Laburista bena rekord ċar u konsistenti ta’ investiment fil-pensjonanti, rekord ibbażat fuq azzjoni, mhux wegħdi fiergħa.

Il-kredenzjali tal-Partit Laburista jitkellmu waħedhom. U filwaqt li oħrajn jippruvaw jiktbu narrattivi ġodda, il-fatti jibqgħu hemm – sodi, konkreti, u impossibbli jiġu miċħuda.

