Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura uffiċjalment Ċentru ġdid tas-Servizzi għat-Tfal, l-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ (CAYS) f’Birkirkara.

CAYS huwa ċentru modern li jiġbor taħt saqaf wieħed firxa wiesgħa ta’ servizzi speċjalizzati għall-kura tat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Din il-faċilità issa qed tgħaqqad flimkien żewġ servizzi li qabel kienu jaħdmu separatament, dak taċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) u ċ-Child and Young People’s Services (CYPS).
Il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru qed iwassal biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-servizzi u b’hekk il-familji jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli, effiċjenti u komprensiv f’post wieħed.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilitajiet ta’ dan iċ-ċentru, fejn iltaqa’ mal-professjonisti u l-impjegati, kif ukoll ma’ tfal, adolexxenti u l-familji tagħhom li kienu qed jibbenefikaw mis-servizzi offruti.
Dan iċ-ċentru joffri kura ħolistika li tindirizza kemm il-ħtiġijiet fiżiċi kif ukoll dawk relatati mas-saħħa mentali. Fost is-servizzi offruti hemm in-neurodevelopmental paediatrics, community paediatrics, child and adolescent psychiatry, psychology u psychotherapy, flimkien ma’ servizzi kliniċi speċjalizzati oħra bħal audiology, ophthalmology, dietetics, speech and language therapy, occupational therapy u physiotherapy.

Barra minn hekk, CAYS jinkludi tim wiesa’ ta’ professjonisti, fosthom tobba, infermiera fil-qasam tas-saħħa mentali u fiżika, social workers, terapisti, u ħaddiema speċjalizzati oħra li joffru appoġġ lill-pazjenti. Il-faċilità tinkludi wkoll spazji mfassla biex itejbu l-esperjenza ta’ dawk li jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru, bħal quiet room, breastfeeding room u spazji oħra adattati għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-familji tagħhom.
Dan l-investiment huwa konformi mal-Viżjoni Malta 2050, li qed timbotta ‘l quddiem servizzi tas-saħħa dejjem aktar aċċessibbli u moderni. Il-Viżjoni tenfasizza l-importanza ta’ kura ta’ kwalità għolja, intervent bikri, prevenzjoni, użu ta’ teknoloġija tas-saħħa moderna u t-tisħiħ tas-servizzi fil-komunità, sabiex il-pazjent u l-familja tiegħu jingħataw l-aħjar kura u appoġġ possibbli.

