Meta l-Ġustizzja Tieqaf Fuq l-Għatba Tad-Dar

Neville Gafa

~ 1 hour ago

Meta l-Ġustizzja Tieqaf Fuq l-Għatba Tad-Dar

Ta’ kull sena, is-Sibt, 21 ta’ Marzu, madwar id-dinja jiġi mfakkar il-Jum Internazzjonali kontra id–Diskriminazzjoni Razzjali. Din is-sena, din il-ġurnata qed tieħu wkoll dimensjoni ġdida mill-Unjoni Ewropea, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea nhediet l-“Istrateġija tagħha kontra r-Razziżmu 2026–2030”. Dokument ambizzjuż bil-għan li jsaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.

 

F’Malta, intant, il-Ġimgħa Kontra r-Razziżmu immexxija mid-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem taħt is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qed tiġi promossa b’ħafna pompi. Attivitajiet, diskussjonijiet u inizjattivi qed jiġbru flimkien studenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, industrija u istituzzjonijiet pubbliċi f’dak li suppost huwa eżerċizzju ta’ inklużjoni u solidarjetà.

 

 

U madankollu, kollox jidher imqanżaħ. U se ngħid għaliex.

 

Wara l-artiklu li ktibt il-bieraħ, fejn jien ikkritikajt lis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi għall-mod kif imxiet fil-konfront tas-Sur Ricky Caruana meta f’Jannar li għadda kien stieden lil Justin Haber fuq il-Podcast tiegħu, fejn saħansitra wkoll talbet sabiex Ricky Caruana jitwaqqaf minn preżentatur fuq il-PBS, kienu bosta esponenti Laburisti li ġibduli l-attenzjoni sabiex nikteb dwar sitwazzjoni reali li tikkonċerna l-istess Segretarju Parlamentari.

 

Ricky Caruana

 

Għax filwaqt li Rebecca Buttigieg tidher komda fir-retorika tal- “virtù”, is-skiet tagħha fejn jidħlu attakki vizzjużi, kampanji ta’ assassinju tal-karattru kkoordinati fil-konfront ta’ membri tal-istess familja politika tagħha, jikxef realtà ferm iktar inġusta. 

 

Dan huwa falliment morali.

 

Kieku Rebecca Buttigieg tal-Human Rights tassew temmen fid-drittijiet tal-bniedem, kienet tibda billi tiddefendi lill-esponenti Laburisti kontra l-attakki inġusti li sofrew u li oħrajn għadhom qed isofru. Kif jgħid l-Ingliż; ‘Charity begins at home’. Ma jistax ikun li titkellem b’ton morali dwar il-protezzjoni tal-minoranzi u tal-barranin, filwaqt li tinjora, jew agħar minn hekk, tittollera l-inġustizzja li qed issir quddiem għajnejha.

 

Id-drittijiet tal-bniedem mhumiex moda. Mhumiex selettivi. U ċertament mhumiex riżervati għal min jagħti l-aktar kapital politiku jew rikonoxximent internazzjonali. Id-drittijiet huma universali. Japplikaw għal kull ċittadin: għall-ħaddiem, għall-pensjonant, għall-professjonist, u iva, anke għal dawk l-esponenti politiċi li llum qed jiġu mkaxkra fit-tajn mingħajr provi jew ġustizzja.

 

Hawnhekk nidħlu fil-qalba tal-problema: il-kunċett tal-ugwaljanza nnifsu. L-ugwaljanza mhux slogan; hija relazzjoni. Kif osserva Aristotli sekli ilu, “l-ugwaljanza tikkonsisti fit-trattament ugwali ta’ dawk li huma simili.” Dan jitlob konsistenza, mhux selettività.

 

 

U madankollu, taħt dan il-mudell ta’ tmexxija, jidher ċar li xi wħud huma aktar “ugwali” minn oħrajn. Realtajiet li jfakkru l-kritika qawwija ta’ George Orwell f’Animal Farm: “L-annimali kollha huma ugwali, iżda xi annimali huma aktar ugwali minn oħrajn.”

 

F’pajjiżna hawn min qed jiġi trattat bħala inqas denju għall-protezzjoni, sempliċement għax il-każ tiegħu mhux politikament konvenjenti.

 

 

Din mhix politika tal-prinċipju. Din hija politika tal-konvenjenza. U l-konvenjenza, meta tiġi applikata għad-drittijiet tal-bniedem, issir ipokresija grassa.

 

Il-tmexxija titkejjel fi żminijiet diffiċli, u mhux fi żminijiet popolari. Titkejjel meta wieħed jitkellem waqt li l-bqija jibqgħu siekta, mhux meta jingħaqad mal-kor tal- konvenjenza. F’dan ir-rigward, is-skiet mhux newtrali iżda huwa kompliċità.

 

Għalhekk, kull diskors dwar l-ugwaljanza li ma jkunx sostnut minn konsistenza u kuraġġ, jitlef mill-valur tiegħu. Jibqa’ biss forma mingħajr sustanza.

 

 

Malta jistħoqqilha aħjar. Mhux retorika vojta, iżda prinċipju. Mhux selettività, iżda ġustizzja. Mhux skiet konvenjenti, iżda vuċi li tiddefendi lil kull min hu fil-bżonn, anke meta dan ma jkunx popolari.

 

U sakemm dan ma jseħħx, kull pretensjoni ta’ tmexxija morali tibqa’ inevitabbilment esposta.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *