Ir-rebbiegħa mhix biss bidla fil-kalendarju jew sempliċiment staġun ġdid. Hija dikjarazzjoni ontoloġika tan-natura nnifisha. Il-ħajja terġa’ tqum, il-materja terġa’ tiċċaqlaq, u dak li kien rieqed jerġa’ jfittex u jitlob postu fid-dinja.
Tradizzjonalment, ir-Rebbiegħa dejjem kien il-bidu tal-istaġun tal-gwerra, mhux biss bħala fatt storiku, iżda bħala liġi profonda tal-eżistenza.
X’ifisser dan, fil-realta’?
Ifisser li hemm mumenti fil-ħajja fejn il-passività ssir tradiment, u l-azzjoni ssir obbligu. Ir-rebbiegħa hija l-istaġun tal-bidu, iżda wkoll l-istaġun tal-konfront. Hija s-sejħa biex tibda dak li kont qed tipposponi. Jista’ jkun xi proġett, id-dixxiplina miegħek innifsek, il-bidla personali. Mhux bħala għażla komda, iżda bħala att ta’ rieda.
Kull bniedem għandu l-gwerra tiegħu. Xi drabi hija interna kontra xi dgħufija, il-biża’, jew il-prokrastinazzjoni. Drabi oħra hija esterna kontra xi sistema, ideoloġija, jew avversarju. Iżda l-prinċipju jibqa’ wieħed: min ma jiġġilidx, jitlef.
Politikament, dan il-mument għandu tifsira aktar qawwija. Meta n-natura tqum, il-politika wkoll tidħol f’fażi ta’ intensifikazzjoni. Il-kunflitti jsiru aktar ċari, il-pożizzjonijiet aktar definiti, u l-possibbiltà tar-rebħa jew tat-telfa tibda tidher aktar reali.
Illum, il-mument huwa wieħed evidentement ta’ asimetrija. Naħa waħda tinsab organizzata, konsistenti, u soda. L-oħra tinsab mifruda, dgħajfa, u għadha tfittex direzzjoni. F’termini strateġiċi, dan mhux biss vantaġġ, iżda huwa żmien kruċjali.
U f’dan il-kuntest, wieħed irid jifhem verità li ħafna jippreferu jinjoraw: fil-gwerra, il-ħniena lejn l-avversarju tissarraf fi krudeltà lejk innifsek. Meta l-avversarju jkun fl-għafja tal-mewt, li tagħtih ħin jirkupra u għaldaqstant jieħu saħħtu, ma jkunx ġest nobbli. Ikun żball strateġiku fatali.
Il-gwerra ma tħallix spazju għal illużjonijiet morali. Hija arena fejn ir-rieda, id-dixxiplina u l-intensità jiddeċiedu r-riżultat. U hemm liġi waħda biss li tiddomina: ma hemmx żewġ rebbieħa. Hemm biss rebbieħ wieħed.
Jirbaħ dak li jiflaħ l-aktar pressjoni, li jġorr l-aktar piż, u li jagħti u jaqla’ bla ebda skruplu u ħniena.
Ir-rebbiegħa għalhekk mhix biss bidu. Ir-rebbiegħa hija l-waqt tal-prova. Il-mument deċiżiv.
U min ma jwieġibx għaliha, ikun diġà tilef.
https://www.facebook.com/share/p/1DZYS3UZhi/?mibextid=wwXIfr

