Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Kultura u l-Kreattività tal-EIT Anette Schaefer, inawguraw l-uffiċċju l-ġdid tal-Kultura u l-Kreattività tal-EIT f’Malta. Dan l-uffiċċju se jopera minn Xjenza Malta f’Villa Bighi, f’kollaborazzjoni mill-qrib maċ-Ċentru tal-Komunità tal-EIT.
L-uffiċċju, li huwa parti miċ-Ċentru Reġjonali tan-Nofsinhar tal-EIT, se jservi bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali biex jiffaċilita l-aċċess għal programmi Ewropej u jrawwem sħubijiet ġodda fl-ekosistema kulturali u kreattiva ta’ pajjiżna. Din l-inizjattiva hija mfassla biex tagħti appoġġ konkret lill-industriji kreattivi (CCSI), filwaqt li ssaħħaħ ir-rwol ta’ Malta fin-network Ewropew tal-innovazzjoni.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza ta’ dan il-pass għall-futur tar-riċerka u t-talent Malti. “Billi ngħaqqdu lill-kreattivi, lir-riċerkaturi u lill-intraprendituri Maltin ma’ network Ewropew tal-innovazzjoni b’saħħtu, qed niftħu opportunitajiet ġodda għall-kollaborazzjoni, investiment u t-tkabbir fis-setturi tagħna. Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ l-impenn ta’ Malta li trawwem l-innovazzjoni u tappoġġja t-talent f’xenarju globali li qed jevolvi malajr,” sostna s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-inawgurazzjoni tal-uffiċċju tal-EIT Culture & Creativity f’Malta timmarka mument trasformattiv għall-kunsilli lokali u l-komunitajiet kreattivi. Hija spjegat li dan l-uffiċċju ser jgħin mhux biss fil-preservazzjoni tal-kultura, iżda se jservi wkoll ta’ mutur b’saħħtu għat-tkabbir ekonomiku u soċjali. “L-impenn tagħna huwa ċar, li nagħtu s-saħħa lil kull artist Malti u awtorità lokali biex flimkien noħolqu futur fejn il-kreattività tmexxi l-iżvilupp sostenibbli f’kull rokna tal-gżejjer tagħna,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kultura u l-Kreattività tal-EIT, Anette Schaefer, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal din il-preżenza l-ġdida f’Malta, fejn enfasizzat li l-kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta se tippermetti li l-impatt tal-organizzazzjonijiet kreattivi lokali jikber b’mod sinifikanti fuq livell Ewropew.
L-inawgurazzjoni, li saret fl-Esplora, kienet tinkludi wkoll serje ta’ workshops u panel discussion ma’ esperti bħal Angelica Monaco u Omar Cutajar, fejn ġew esplorati temi bħall-aċċess għall-finanzi u t-trasformazzjoni tas-soċjetà permezz tal-kreattività. Bħala parti minn dan l-isforz, Xjenza Malta ħabbret ukoll il-proġett pilota EIT Regional Innovation Booster, immirat biex joffri appoġġ speċjalizzat lil negozji ġodda u startups li qed joperaw fis-settur kreattiv f’Malta.

