Saret iċ-ċerimonja tal-għoti ta’ ċertifikati lill-parteċipanti li temmew b’suċċess programmi offruti mit-taqsima SkillUp, fi ħdan Aġenzija Sapport, inizjattiva li tnediet f’Ottubru 2025 bil-għan li tilħaq numru akbar ta’ persuni b’diżabilità u tipprovdilhom ħiliet essenzjali kemm għad-dinja tax-xogħol kif ukoll għal għajxien aktar indipendenti.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia.
Matul din iċ-ċerimonja, ġew iċċertifikati żewġ gruppi ta’ parteċipanti li temmew il-programmi Way to Work u Skills4Life.

Il-programm Way to Work ipprovda taħriġ lil erba’ persuni b’diżabilità, li attendew sessjonijiet bejn Lulju 2025 u Jannar ta’ din is-sena. It-taħriġ kien jinkludi diversi suġġetti, fosthom l-użu tat-trasport pubbliku, l-immaniġġjar tal-flus u tal-ħin.
Il-programm kien jinkludi wkoll sessjonijiet informattivi minn diversi entitajiet, fosthom BeBrave, Be Smart Online (FSWS) u Kellimni, kif ukoll żjarat f’postijiet tax-xogħol minn industriji differenti, inklużi Benna, Seifert, Swan Laundry, Sherries u Eeetwell. Barra minn hekk, il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat ma’ Soup Kitchen, RMJ Horse Rescue u Noah’s Ark.

Dan kien l-ewwel grupp ta’ Way to Work li rċieva wkoll stipendju ta’ €161.35 kull erba’ ġimgħat ta’ taħriġ.
Wara t-tmiem tal-programm, parteċipant wieħed beda jfittex impjieg, ieħor beda taħriġ fil-lingwa Ingliża u beda jfittex xogħol, filwaqt li tnejn oħra se jkomplu taħriġ ulterjuri, inkluż ma’ Lino Spiteri Foundation.
Min-naħa l-oħra, il-programm Skills4Life ċċertifika tliet persuni b’diżabilità, li attendew bejn Settembru 2025 u Jannar ta’ din is-sena. Dan il-programm iffoka fuq ħiliet essenzjali tal-ħajja bħal kura personali, preparazzjoni ta’ ikel bnin, immaniġġjar tal-ħin, saħħa u benesseri. Il-parteċipanti kellhom ukoll żjara fl-istabbiliment ta’ BigBon Group.
Wara li temmew dan il-programm, parteċipant wieħed li kien diġà f’impjieg beda jfittex aktar taħriġ relatat ma’ għajxien indipendenti, ieħor se jkompli jiżviluppa l-ħiliet tiegħu permezz tal-programm Way to Work, filwaqt li t-tielet persuna se tkompli taħdem fuq żvilupp relatat ma’ għajxien indipendenti.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia sostniet li dawn il-programmi huma xhieda tal-impenn lejn soċjetà aktar inklussiva, fejn kull persuna tingħata ċ-ċans tiżviluppa u tgħix b’dinjità u indipendenza. Saħqet li l-investiment f’dawn il-ħiliet qed jagħti riżultati konkreti, tant li llum Malta għandha l-ogħla rata fl-istorja ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, pass ċar ’il quddiem għal soċjetà aktar ġusta u parteċipattiva. “Dawn il-programmi huma xhieda ċara tal-impenn tagħna biex nibnu soċjetà aktar inklussiva, fejn il-persuni kollha, irrispettivament mill-isfidi li jiffaċċjaw, jingħataw l-opportunità jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jgħixu b’dinjità u indipendenza.”
Minn mindu tnieda fl-2022, il-programm Way to Work laħaq total ta’ 55 parteċipant, kemm fi gruppi kif ukoll fuq bażi individwali, f’Malta u Għawdex.
Il-parteċipant Jurgen Micallef, li diġà kien impjegat fil-bidu tal-programm Skills4Life, spjega kif iddeċieda jissieħeb sabiex ikompli jsaħħaħ u jtejjeb il-ħiliet tiegħu. Huwa qal li l-esperjenza għenitu jikseb aktar kunfidenza u jtejjeb il-kapaċitajiet tiegħu kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja ta’ kuljum, filwaqt li esprima gratitudni sinċiera għall-opportunità li ngħatatlu permezz ta’ dan il-programm.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, saħaq fuq is-suċċess tar-riforma u t-tnedija tat-taqsima SkillUp fix-xhur li għaddew, u li diġà qed turi l-frott tagħha minn dawn l-ewwel żewġ programmi, u mill-esperjenzi maqsuma mill-parteċipanti.

