Strutturi tqiegħdu fil-qiegħ tal-baħar biex jerġgħu jinħolqu żoni naturali, azzjoni kontra speċi invażivi bħall-granċ blu u koralli invasivi, u teknoloġija moderna biex tissorvelja il-preżenza ta’ speċi invażivi u skart fil-baħar. Dawn huma wħud mill-miżuri konkreti tal-proġett REVIVE, li tnieda biex itejjeb u jsaħħaħ il-ħajja fil-baħar bejn Malta u Sqallija.

Il-proġett, iffinanzjat taħt il-Programm Interreg Italia-Malta 2021-2027, jiġbor flimkien ħames entitajiet Maltin u Taljani li se jaħdmu flimkien biex jipproteġu u jtejbu l-ambjent tal-baħar. Dawn jinkludu l-Università ta’ Malta, l-Università ta’ Palermo, Ambjent Malta, il-Consiglio Nazionale delle Ricerche u l-Istituto Superiore per la Protezione e la Ricerca Ambientale.
“Il-baħar tagħna hu essenzjali, għall-ambjent, għall-ekonomija u għall-kwalità tal-ħajja. Dan il-proġett juri li m’aħniex biss qed nipproteġu dak li għandna imma qed nieħdu passi konkreti biex insewwu dak li ntilef. B’investiment fix-xjenza u f’ħidma flimkien ma’ sħab internazzjonali, qed nibnu futur fejn il-baħar tagħna jkun aktar nadif u jiflaħ għall-isfidi li ġejjin,” qalet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli waqt it-tnedija.

Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal: “Dan il-proġett juri kif il-Fondi Ewropej jistgħu jappoġġjaw azzjoni effettiva għall-ambjent tagħna. B’kollaborazzjoni ma’ sħab internazzjonali u bl-użu ta’ xjenza u teknoloġija moderna, qed nagħmlu passi importanti biex inħarsu u nsaħħu l-ħajja fil-baħar, niżguraw ekosistema aktar b’saħħitha u nibnu futur sostenibbli għall-komunitajiet tagħna.”
Il-Kap Uffiċjal Xjentifiku, fi-ħdan Ambjent Malta, Dr Alex Borg Galea qal li din l-inizjattiva tirrifletti l-impenn ta’ Ambjent Malta lejn il-konservazzjoni tal-baħar billi timplimenta miżuri ta’ konservazzjoni f’żoni marittimi protetti, sabiex tkompli ttejjeb l-istat tagħhom, b’enfasi speċjali fuq Kemmuna.

Din l-inizjattiva qed issir bl-għan li tgħin lill-ħajja fil-baħar biex tirkupra, issaħħaħ il-bijodiversità u ttejjeb il-protezzjoni tal-ambjent fil-Mediterran. Il-proġett se jibqa’ għaddej sa Novembru 2027, b’investiment ta’ €1.2 miljun. Matul dan iż-żmien, se jsiru diversi azzjonijiet, fosthom restawr ta’ żoni fil-baħar, tindif u monitoraġġ ta’ skart marittimu kif wkoll monitoraġġ u tneħħija ta’ speċi invażivi. Se tintuża wkoll teknoloġija moderna biex tinġabar informazzjoni importanti fuq l-iskart ta’ taħt il-baħar kif ukoll fuq il-preżenza ta’ speċi invażiva fil-baħar.

