Fit-teatru tal-politika Maltija, fejn il-Partit Nazzjonalista jippromwovi lilu nnifsu bħala l-gwardjan tat-tradizzjoni, u l-Partit Laburista bħala dik il-forza li kontinwament timbotta l-progress, hemm verità aktar fonda li ħafna drabi tibqa’ moħbija taħt wiċċ ir-retorika; Ir-rebħa vera fil-politika ma tinkisibx billi teqred lill-avversarju, iżda billi tagħmlu irrilevanti.
Dan iseħħ meta forza governattiva tilħaq livelli ogħla: il-waqt li tibda tippreżenta ruħha mhux biss bħala rappreżentant tal-partitarji tagħha, iżda bħala l-unika garanzija ta’ stabbiltà, direzzjoni u salvazzjoni politika. U dan ifisser anke għal dawk li xi darba kienu kontra tagħha.

Din hija strateġija aktar fina: dik li tissejjaħ “ħakma kwieta”. Mhux dominanza permezz tal-konfront, iżda permezz tal-inklużjoni. Mhux li tegħleb lill-għadu tiegħek billi tkissru, iżda billi tagħmlu jiddependi minnek. Din hija l-arti politika fl-ogħla forma tagħha li twassal li dak il-partit politiku isir indispensabbli għan-nazzjon.
Il-magna tal-politika moderna ma taħdimx fuq il-kunflitt bejn l-avversarji, iżda fuq il-kapaċità li dawn l-opposti jiġu assorbiti u trasformati f’sintesi ogħla. F’din is-sintesi, il-konflitt ma jisparixxix iżda jiġi ddominat, integrat, u fl-aħħar mill-aħħar megħlub.
Il-veru poter mhux li tirbaħ il-battalja, iżda li tiddomina u jkollok kontroll assolut tal-logħba.

Joseph Muscat
Minn dak il-mument deċiżiv tar-rebħa elettorali storika tal-2013, il-Partit Laburista ma kienx sempliċiment forza elettorali rebbieħa, iżda vettura ta’ sintesi politika. Wiret pajjiż ekonomikament staġnat u bena ordni ġdida: kunsens nazzjonali mibni fuq riżultati konkreti u kontinwità strateġika.
Ir-riżultat kien kif dejjem inħobb niddeskrivih jien: rivoluzzjonarju. Rajna l-qgħad jinżel f’livelli baxxi, tkabbir ekonomiku sostnut anke fi żminijiet ta’ kriżi globali, żieda waħda wara l-oħra fil-pensjonijiet, paga minima msaħħa, interventi mmirati kontra l-għoli tal-ħajja, u politika soċjali li permezz tal-Awtorità tad-Djar fetħet tama ġdida u pprovdiet akkomodazzjoni soċjali lil eluf ta’ familji fil-bżonn.
Dawn huma strutturi ta’ realtà li bidlu l-esperjenza taċ-ċittadini Maltin. Saħansitra inħass titjib konkret fost dawk li storikament ġejjin minn familji Nazzjonalisti. Inħass titjib konkret billi tajna sigurtà fl-impjiegi, stabbiltà fl-ispejjeż tal-enerġija, u xibka soċjali li espandiet aktar minn qatt qabel.
Illum wieħed jista’ jgħid li din ma kinitx biss xi manuvra politika. Kien pjan filosofiku. Il-Partit Laburista ma kkonfrontax biss il-kritika; assorbiha, u reġa’ ddefinixxa l-parametri tal-governanza. B’hekk poġġa lilu nnifsu bħala l-qafas inevitabbli li fih anke l-Oppożizzjoni trid taħseb u taġixxi.
F’dan il-kuntest politiku, nistgħu ngħidu li l-Partit Laburista uża l-istrateġija tal-gwerra hekk magħrufa “Li tirbaħ mingħajr ma tiġġieled.” Il-Partit Nazzjonalista, illum taħt tmexxija ġdida, jinsab f’pożizzjoni reattiva: jikkritika aktar milli joħloq, jirreaġixxi aktar milli jmexxi. Meta l-Kap tal-Oppożizzjoni jiddeskrivi lill-Partit Nazzjonalista bħala “Government in waiting”, ikompli jdgħajjef lill-PN, għax ir-realtà turi li l-Gvern preżenti diġà wettaq dak kollu li qed iwiegħed Alex Borg.

Alex Borg
Meta jipprova jippreżenta lilu nnifsu bħala l-vuċi tal-familji jew difensur tas-saltna tad-dritt, jiltaqa’ ma’ ostaklu fundamentali: ir-rekord tal- Gvern Laburista. Aktar minn 82% tal-manifest tal-2022 ġie implimentat f’perjodu qasir, inklużi riformi fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u interventi fil-qasam tal-ippjanar li jindirizzaw disordni storika li ħallew warajhom Gvernijiet Nazzjonalisti.
F’dan il-qafas, il-kritika titlef il-funzjoni tagħha bħala alternattiva u ssir sempliċi prestazzjoni politika ħażina. L-Oppożizzjoni ma tibqax forza alternattiva, iżda element li jiġi assorbit.
Din hija dominanza ta’ livell ogħla: meta naħa waħda tiddefinixxi r-regoli tal-logħba. Il-Prim Ministru Robert Abela ma jikkonsolidax il-poter permezz tal-konfront, iżda billi jiggarantixxi il-ġid komuni permezz ta’ stabbiltà fiskali, protezzjoni soċjali usa, tmexxija effettiva waqt kriżijiet, u riformi li jżommu bilanċ bejn pressjoni internazzjonali u s-sovranità nazzjonali.

It-telfiet tal-Partit Nazzjonalista fl-2013, fl-2017 u fl-2022 ma kinux każwali; kienu riżultat ta’ mudell li qed jitlef ir-rilevanza tiegħu. Anke jekk illum xi surveys li ġej ikkommosjonati juru avvanz fejn jidħlu persentaġġi, il-verità strutturali tibqa waħda ’: il-mudell Laburista elimina l-qawwa intellettwali mill-argument tradizzjonali tal-“bidla”.
Għaliex għandek tirriskja dak li qed jaħdem, għal alternattiva li ħafna drabi tidher bħala rifless mill-passat li diġà ġie miċħud?

Robert Abela
Il-Partit Laburista huwa l-unika forza politika li kapaċi tassigura l-interess tal-poplu Malti minn frammentazzjoni interna u minn vulnerabbiltajiet esterni f’dinja dejjem aktar instabbli.
Il-qagħda globali attwali titlob kontinwità, mhux esperimenti. L-aħħar għaxar snin bnew reżiljenza: ekonomija diversifikata, infrastruttura msaħħa, u preżenza internazzjonali aktar assertiva. B’dan il-mod, il-Partit Laburista mhux biss ipproteġa lill-pajjiż, iżda anke lill-kritiċi tiegħu stess.
Din mhijiex arroganza iżda realiżmu. Hekk kif qed toqrob l-elezzjoni ġenerali, l-għażla għandha tkun waħda essenzjali: bejn riskju u kontinwità. Bejn l-astratt u l-konkret. Malta fejn il-progress ma jibqax proprjetà partiġġjana, iżda jsir wirt nazzjonali.
L-avversarju ma ġiex meqrud, iżda ġie ridott irrilevanti. Il-Partit Nazzjonalista kellu rwol politiki rilevanti fl-Istorja ta’ pajjiżna, speċjalment fis-snin disgħin, iżda l-futur jappartjeni lil min kapaċi jassorbi kull kunflitt u jibdlu f’direzzjoni. U dan huwa l-Partit Laburista.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kaxxi tal-voti se jikkonfermaw li l-poter veru f’demokrazija jappartjeni lil min jirriduċi lill avversarji tiegħu irrelevanti.
Il-Partit Laburista jinsab lest; mhux b’retorika vojta, iżda b’konsistenza li jkompli fuq din is-sintesi.
Dan sabiex in-Nazzjon jibqa’ jimxi ’l quddiem.

