Illum il-31 ta’ Marzu, Malta tiċċelebra Jum il-Ħelsien. Jum li jfakkar meta fl-1979 l-aħħar forzi militari Brittaniċi ħallew xtutna, u temmew kważi żewġ sekli ta’ ħakma kolonjali.
Taħt it-tmexxija viżjonarja tal-Prim Ministru Dom Mintoff, Malta ddikjarat lilha nnifisha Stat Sovran. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ dak in-nhar kienu storiċi. Logħob tan-nar fil-Port il-Kbir, folol kbar imlew il-pjazez tal-Belt Valletta, mużika tidwi mas-swar li tul sekli sħaħ iddefendewna mill-għadu. Ma kienx biss it-tmiem ta’ ħakma barranija. Kien it-twelid ta’ twemmin nazzjonali li ma jitkisser qatt: li l-libertà hija possibbli.

Iżda Jum il-Ħelsien huwa ferm aktar minn anniversarju storiku. Huwa stedina biex nirriflettu fuq waħda mill-aktar ideat qawwija tal-umanità. Il-libertà waqqgħet Imperi, ispirat rivoluzzjonijiet, u bniet kostituzzjonijiet. Ċiviltajiet qamu fuq saqajhom meta ħaddnuha, oħrajn sfaxxaw meta insew it-tifsira profonda tagħha.
Mill-Griegi sal-rivoluzzjoni Amerikana u Franċiża li naqxuha fid-dikjarazzjonijiet tad-drittijiet, il-libertà dejjem kienet il-pilastru tal-progress uman. Iżda fl-era moderna saret kumplessa u tinbidel kontinwament.
Aħna b’ġustizzja niċċelebraw id-dimensjoni politika tal-libertà: il-ħelsien minn sidien kolonjali, ‘self-determination’, Istituzzjonijiet Demokratiċi u salvagwardji Kostituzzjonali.
Il-kisba tal-Ħelsien fl-1979 jibqa’ kapitlu trijonfanti fl-Istorja tal-Ġens Malti. Daqshekk ittieħdu deċiżjonijiet dwar il-preżent u l-futur tagħna minn Londra. Il-portijiet tagħna ma baqgħux latrina tal-flotot barranin, jaqdu lill-barrani qabel lill-poplu tagħna stess.

Dan il-ħelsien kien reali, miksub b’tant tbatija.
Imma l-libertà vera, dik li tibqa’ tul il-ġenerazzjonijiet, tibda fejn tispiċċa l-politika. Mhux biss dwar it-tneħħija tal-ktajjen esterni, iżda l-ħarsien tal-kundizzjonijiet interni li fihom id-dinjità umana tista’ tiffjorixxi b’mod sħiħ. Għalhekk Jum il-Ħelsien għandu jinftiehem f’sens aktar profond: il-libertà li tgħix fina, anke meta d-dinja tipprova tillimitaha.
Il-Libertà tal-Kelma u tal-Espressjoni
Il-Ħelsien mingħajr il-libertà li titkellem, tistaqsi u tiddisputi, mhux Ħelsien xejn. Nazzjon li jsikket il-vuċi tiegħu jkun qed jibdel sid ma ieħor. Jum il-Ħelsien ifakkarna li kull ċittadin għandu jkun liberu jesprimi ideat, jikkritika l-poter, u jimmaġina futur aħjar.
Libertà Mibnija fuq il-Ħsieb Kritiku
Il-libertà vera titlob aktar minn drittijiet miktuba fuq il-karta. Teħtieġ imħuħ imħarrġa biex jaħsbu b’mod ħieles, li janalizzaw u jiżnu. Il-libertà mhix wirt; hija kisba permezz tal-kuraġġ intellettwali. F’era ta’ manipulazzjoni, il-ħsieb kritiku huwa l-ogħla forma ta’ reżistenza. Huwa l-libertà li tgħid: “Ma nemminx sempliċiment għax qaluli.” Jum il-Ħelsien isejħilna biex inkabbru dan fl-iskejjel, fid-dibattiti, u fil-ħajja ta’ kuljum.
Libertà Msaħħa minn Valuri tal-Familja u l-Etika
Libertà mingħajr pedament morali mhix ħelsien. L-aktar libertà profonda tinsab fil-familji li jgħallmu r-responsabbiltà, komunitajiet li jħarsu d-dinjità u l-valuri, u individwi li jagħżlu l-integrità fuq il-konvenjenza. L-etika mhix xi ħabel jew ktajjen; hija l-boxxla li tħares lill-libertà milli tinbidel f’kaos. Meta nrawwmu lit-tfal biex jivvalutaw l-onestà, l-empatija u l-ġustizzja, inkunu qed nibnu soċjetà li tibqa’ ħielsa mhux biss permezz tal-liġi, iżda permezz tal-karattru sod tal-poplu. Il-valuri tal-familja u l-għixien mmexxi mill-etika huma dawk il-prinċipji li jżommu ħajja il-kisba tal-Ħelsien.
Il-libertà tifforma mill-ħsieb. Dak li l-bniedem jagħżel li jemmen fih, it-twemmin, minkejja l-isfidi li jiffaċċja. Iċ-ċirkustanzi jistgħu jillimitaw il-moviment, isikktu il-vuċi, jew saħansitra jimponu tbatija. Iżda l-ispirtu uman iżomm is-setgħa sovrana li jiddeċiedi t-tifsira tiegħu stess. Din hija l-libertà tal-ħabsi li jirrifjuta li jħalli l-ħitan jiddefinixxuħ. Hija l-libertà ta’ dak li jxandar il-verità. Hija l-libertà ta’ kull Malti u Maltija li, fil-31 ta’ Marzu, jiftakru li l-1979 ma kienx it-tmiem tal-Istorja, iżda l-bidu ta’ impenn kollettiv biex ngħixu bħala bnedmin ħielsa.

Mintoff
Dom Mintoff fehem dan b’mod profond. Il-viżjoni tiegħu qatt ma kienet biss dwar bnadar u innijiet. Kienet dwar id-dinjità, kif il-poplu Malti jista’ jaħseb b’mod liberu u jsawwar id-destin tiegħu. F’din id-data li nfakkru Jum il-Ħelsien, inħarsu lejn dik il-viżjoni ta’ Mintoff u nġeddu l-ħalfa billi nirrifjutaw li nħallu l-libertà ssir relikwa tal-1979. Irridu nibqgħu nkabbruha. Irridu nipproteġu l-libertà tal-kelma meta tkun skomda. Irridu nippromwovu l-ħsieb kritiku meta t-tweġibiet faċli jkunu aktar konvenjenti. Irridu nħarsu l-valuri u l-etika meta l-individwaliżmu jhedded li dgħajjef is-soċjetà tagħna.
Għax il-Ħelsien mhux destinazzjoni li tintlaħaq darba għal dejjem. Hija sfida ta’ kuljum. Att kuraġġuż tal-moħħ u tal-qalb.
Illum mhux biss niċċelebraw dak li ksibna fl-1979, iżda dak li rridu nibqgħu nibnu: Nazzjon fejn kull ċittadin jesperjenza l-libertà esterna u interna, libertà politika u personali, kollettiva u individwali.
Il-libertà hija li nagħżlu li nemmnu dak li hu veru, minkejja l-ġlidiet li niffaċċjaw. U f’Jum il-Ħelsien, għal darb’oħra, Malta tagħżel li temmen fiha nnifisha.
Viva Malta Ħielsa 🇲🇹

