Pass ’il quddiem għall-industrija awdjoviżiva Maltija: Malta fost l-ewwel pajjiżi li jiffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar Ko-Produzzjoni ta’ Xogħlijiet Awdjoviżiv fil-Forma ta’ Sensiliet
Malta ffirmat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ko-Produzzjoni ta’ Xogħlijiet Awdjoviżivi fil-Forma ta’ Sensiliet, pass li jsaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u jkompli jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-produtturi u l-kreattivi Maltin fis-settur awdjoviżiv.
Il-firma saret f’Lille, Franza, waqt iċ-ċerimonja ta’ ftuħ tal-Konvenzjoni fil-festival Series Mania. Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li ffirmat il-Konvenzjoni u hi parti minn grupp ta’ 9 pajjiżi li ffirmaw dan l-istrument Ewropew fl-ewwel opportunita’ disponibbli.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, laqa’ b’sodisfazzjon din il-firma u sostna li din tirrifletti l-impenn tal-Gvern li jkompli jixpruna l-internazzjonalizzazzjoni tal-industriji kreattivi, b’mod partikolari s-settur awdjoviżiv.
“Din il-Konvenzjoni tirrifletti l-impenn ta’ Malta biex noħolqu opportunitajiet ġodda għas-settur awdjoviżiv tagħna u biex insaħħu l-kooperazzjoni Ewropea f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Bonnici. “Ma tlifniex ħin biex inkunu ma’ ta’ quddiemnett biex naghtu opportunitajiet lill-produtturi tagħna li jgawdu minn qafas li jiffaċilita l-ko-produzzjonijiet internazzjonali ta’ sensiliet.”
Il-Konvenzjoni, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa f’Novembru 2025, hija l-ewwel qafas legali internazzjonali ddedikat speċifikament għall-ko-produzzjoni indipendenti ta’ sensiliet maħsuba għat-televiżjoni u għall-pjattaformi ta’ streaming. Din toħloq bażi komuni għall-istatus ta’ “ko-produzzjoni uffiċjali”, tippromwovi ko-produzzjonijiet bilaterali u multilaterali u ssaħħaħ is-salvagwardji tad-drittijiet u d-distribuzzjoni tal-qliegħ bejn il-ko-produtturi. Il-qafas jippromwovi wkoll kooperazzjoni aktar strutturata bejn l-awtoritajiet kompetenti u jiffaċilita l-mobilità tal-professjonisti tekniċi u artistiċi li għandhom rwoli f’dawn il-produzzjonijiet.
Il-firma tal-Konvenzjoni hija l-ewwel pass fil-proċess formali u tindika impenn politiku lejn l-għanijiet tagħha. Il-Gvern issa se jkompli bil-proċeduri domestiċi meħtieġa marbuta ma’ l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.
Din l-inizjattiva tkompli tibni fuq l-appoġġ kontinwu tal-Gvern lejn is-settur awdjoviżiv u tikkomplementa s-sħubija reċenti ta’ Malta ma’ Eurimages fi ħdan l-istess Kunsill tal-Ewropa.
Fl-istess waqt, qed tissaħħaħ il-konsistenza tal-politika ta’ Malta fi ħdan il-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa, peress li Malta hija wkoll parti fil-Konvenzjoni dwar il-Ko-produzzjoni Ċinematografika, li ukoll tipprovdi bażi ta’ kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ko-produzzjonijiet.
Dan juri biċ-ċar li Malta ser tibqa’ ssaħħaħ il-preżenza tagħha fl-ekosistema Ewropea tas-settur awdjoviżiv.
Għan-nom ta’ Malta iffirma l-istrument Ewropew l-Ambaxxatur Pierre Clive Agius.

