Hekk kif kull jum li jgħaddi jqarribna lejn l-Elezzjoni Ġenerali, jiġuni f’moħħi kliem Fernando Pessoa: “The vote is the expression of an individual opinion; it is not an organic synthesis, but a mechanical sum. Democracy is the sum of everything anti-popular, anti-social, and anti-patriotic.”
F’din il-loġika purament aritmetika, kwalunkwe nazzjon jista’ jinħakem u u jinfired sforz l-egoiżmi. Ċertu retorika diviżiva tista’ ċċajpar viżjoni nazzjonali.
Iżda taħt it-Tmexxija ta’ Gvernijiet Laburisti mill-2013 ‘il hawn, u bis-saħħa tad determinazzjoni li wera l-Prim Ministru Robert Abela sa mill-2020, Malta għażlet triq differenti. Il-poplu Malti ma baqax qisu xi somma; bena kunsens mibni fuq progress li kompla saħħaħ is-sigurtà tal-familja u nissel fil-poplu sens ta’ orgolju Nazzjonali.

Din hija realtà li tinħass fil-ħajja ta’ kuljum. Il-qgħad jibqa’ fost l-inqas fl-Ewropa, u fl-aktar livelli baxxi fl- Istorja politika ta’ pajjiżna.
L-ekonomija Maltija wriet reżiljenza notevoli, anke quddiem kriżijiet globali bħall-pandemija u kunflitti internazzjonali.
Il-familji qegħdin igawdu minn żdied fuq children’s allowances, tnaqqis fit-taxxa li jħalli aktar flus fil-bwiet, childcare b’xejn li jiftaħ opportunitajiet ġodda għal għada ġenituri, żieda waħda wara l-oħra fil-pensjonijiet u appoġġ konkret li jtaffi il-piżijiet tal-għoli tal-ħajja u tal-enerġija.

Gvern Laburista investa b’mod massiv fis-Sigurtà Soċjali, aktar minn €6 biljun f’dawn l-aħħar snin biss, sabiex isaħħaħ il-benesseri tan-nies.
Fil-qasam tas-saħħa rajna aktar mediċini b’xejn, ħinijiet iqsar fejn jidħlu dijanjosi u trattamenti, u servizzi innovattivi bħall-IVF mingħajr ħlas.
Fl-edukazzjoni u fid-dinja tax-xogħol, ftehimiet kollettivi ġodda li tejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Fl-istess ħin, l-investiment fl-infrastruttura qed jissarraf f’toroq aħjar, skejjel moderni u sistemi aktar effiċjenti.
Din hija r-ruħ soċjali ta’ Gvernijiet Laburisti fil-prattika. Teoriji li bnew sistema li tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru, li tibni fuq solidarjetà u li tħaddan sens ta’ patrijottiżmu.
Il-filosofija politika attwata minn Gvernijiet Laburisti hija tweġiba konkreta għall-kliem ta’ Pessoa. Mhux firda, iżda għaqda; mhux sempliċi numri u somom, iżda viżjoni kollettiva.
Fuq livell Internazzjonali, Malta qed tkompli tissaħħaħ: pajjiż li jħares in-newtralità u s-sovranità tiegħu filwaqt li jattira investiment u opportunitajiet ġodda. Minn enerġija aktar nadifa u aktar spazji miftuħa għall-familji, għal espansjonijiet industrijali u diġitali.
Din hija viżjoni li qed tissarraf f’riżultati tanġibbli.
Minn naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni tibqa’ staġnata f’politika ta’ negattività u firda. Tikkritika mingħajr ma toffri soluzzjonijiet u direzzjoni. Dik hija eżattament is-“somma mekkanika” li ddgħajjef lil kull nazzjon. Politika li tikkritika iżda ma toffrix triq ’il quddiem.

L-elezzjoni li ġejja mhijiex biss sempliċi votazzjoni bħal ta’ qabilha, iżda deċiżjoni dwar liema tip ta’ demokrazija irid il- poplu Malti. Waħda li tifred, jew waħda li tgħaqqad. Waħda li tqis lil nies bħala numri, jew waħda li tkompli tibni Malta aqwa.
Meta fil-kamra tal-votazzjoni, wieħed għandu jiftakar li:
il-vot tiegħek mhuwiex numru iżolat. Huwa parti minn rieda kollettiva li, sena wara l-oħra għażlet il-progress fuq il-wegħdiet, l-għaqda fuq id-diviżjoni, u r-riżultati fuq ir-retorika.
Ivvota Labour. Ivvota għall-kontinwità li tagħat garanzija. Malta li tibqa’ timxi ’l quddiem.
Ivvota għal Malta Aqwa.

