Erba’ Mandati; ERBA’ STAĠUNI

Neville Gafa

~ 1 day ago

Erba’ Mandati; ERBA’ STAĠUNI

Niskuża ruħi li qed nikteb ftit tqil u fit-tul, però dak li għandi ngħid se ngħidu bla tlaqliq.U se nkun qed ngħidu sforz l-imħabba li għandi lejn il-Partit Laburista.

 

Ormai drajt nidher ikrah, però wara, iż-żmien jagħtini raġun. Għax meta nikteb nikteb b’ imħabba lejn il-Partit Laburista.

 

Nippreferi nidher ikrah imma fl-istess waqt il-Partit jibqa’ REBBIEĦ.

 

Hesiod kien poeta Grieg li għix 700 QK; moralista kbir. Fil- kapulavur tiegħu ‘Works and Days’, Hesiod ippreżenta il-viżjoni tiegħu tal-umanità: Żmien tad-Deheb, ta’ abbundanza u serħan, segwit minn dak tal-Fidda, tal-Bronż u, fl-aħħar, tal-Ħadid. Żmien il-Ħadid jirrifletti l-era ta’ tbatija, inġustizzja u sens dejjem jikber li l-aħjar żminijiet ikunu għaddew.

 

Aktar minn elfejn u ħames mitt sena wara, Oswald Spengler (1880–1936) bena filosofija sħiħa madwar punti simili. F’The Decline of the West’, Spengler jittratta l-kulturi bħala organiżmi ħajjin. Jitwieldu bi spirtu. Jqumu fl-Istorja. Jgħaddu minn mill-erba’ staġuni; ir-Rebbiegħa, is-Sajf, il-Ħarifa u x-Xitwa. U l-ebda waħda ma hija immuni mit-tmiem.

 

Meta l-ispirtu jkun wettaq dak li kellu jwettaq, il-kultura tiġġamja. Tibqa’ teżisti, iżda ma tibqax toħloq. Tibqa’ tiffunzjona, iżda ma tibqax temmen. Tibqa’ fil-poter, iżda bil-mod il-mod toħroġ mill-Istorja.

 

Il-Ħadid ta’ Hesiod huwa x-Xitwa ta’ Spengler.

 

It-tnejn emmnu li kienu qed jgħixu fl-aħħar staġun.

 

L-argument ta’ Spengler, meta tneħħilu t-terminoloġija, huwa kważi brutali fis-sempliċità tiegħu: kultura ma taqax għax titlef elezzjoni. Taqa’ meta tasal fit-tmiemha.

 

L-Ispirtu li darba sawwar ir-reliġjon tagħha, l-arti, il-flus, il-gwerra u l-politika eventwalment jeżawrixxi l-possibbiltajiet tiegħu. F’dak il-punt, in-niżla ma tibqax inċident iżolat.

 

Jinbidel fl-istaġun li jmiss.

 

Jekk tapplika dak il-mudell għall-Partit Laburista fil-Gvern, il-kalendarju huwa aktar minn ċar.

 

 

Ir-Rebbiegħa kienet l-2013.

 

Kienet il-ħolma ta’ partit illi wara kwart ta’ seklu fl-Oppożizzjoni, waslitu f’partit li rebaħ il-poter. L-entużjażmu ta’ Moviment li kien konvint li seta’ jerġa’ jikteb l-Istorja; “l-aqwa żmien” mhux biss bħala slogan politiku, iżda bħala rivoluzzjoni soċjali u ekonomika.

 

Imbagħad ġie s-Sajf.

 

L-istaġun tas-sajf beda bir-rebħa Elettorali tal-2017 u kompla fit-tielet Leġiżlatura li bdiet wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022; twettieq, rebħiet kbar u magna politika li dehret kważi impossibbli li titwaqqaf.

 

Iżda fis-16 ta’ Ottubru 2017, dak is-Sajf iddallam bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

 

Il-kultura assorbiet ix-xokk. Il-poter baqa’. L-elezzjonijiet baqgħu jintrebħu b’mod fenomenali. Il-magna tal-Partit kompliet taħdem b’mod effiċjenti.

 

Il-Ħarifa bdiet bir-raba’ mandat wara l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju li għadda.

 

Il-Labour reġa’ rebaħ. Imma dak mhux il-punt.

 

Il-Ħarifa hija proprju l-aktar staġun qarrieqi: is-siġra għadha mimlija kuluri, il-forma tidher kompluta, il-poter jibqa’ viżibbli. Iżda t-tkabbir jibda jieqaf.

 

L-enerġija ma tibqax bħal qabel.

 

Tibda tmajna.

 

 

 

Ir-riżultat tat-30 ta’ Mejju kien il-wiċċ politiku ta’ dak l-istaġun. Il-Partit Laburista kiseb 51.77 fil-mija u 158,444 vot fl-ewwel għadd. Il-Partit Nazzjonalista kiseb 44.68 fil-mija. Id-distakk li fl-2022 kien ta’ kważi 39,500 vot niżel għal madwar 21,700.

 

Ir-raba’ rebħa konsekuttiva.

 

Iżda b’maġġoranza iżgħar.

 

Xorta jibqa’ riżultat elettorali b’saħħtu mmens.

 

Ebda partit politiku ma rnexxielu jirbaħ erbgħa elezzjonijiet konsekuttivi.

 

Spengler kien jagħraf dik il-fiżjonomija mill-ewwel: il-bniedem matur li jista’ jidher aktar b’saħħtu miż-żagħżugħ, iżda li ma jistax jerġa’ jsir żagħżugħ.

 

 

Imbagħad wasal il-Ġuri.

 

Fit-2 ta’ Settembru, wara ħamsa u ħamsin jum ta’ seduti, disa’ ġurati lliberaw lil Yorgen Fenech bi tmien voti kontra wieħed, mill-akkużi ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ assoċjazzjoni kriminali.

 

X’ġara per konsegwenza?

 

Il-verdett ma temmx il-kunflitt politiku.

 

Kabbru.

 

Il-familja Caruana Galizia ddeskriviet ir-riżultat bħala ċaħda tal-ġustizzja. L-Oppożizzjoni pprotestat quddiem Kastilja. Alex Borg ipponta lejn il-binja u sostna li l-qtil kien ġie “ppjanat hawn ġew”.

 

NGOs u vuċijiet Ewropej esprimew xokk u tħassib.

 

Minn naħa l-oħra, il-Gvern appella għall-prudenza. Ġimgħa wara, Joseph Muscat wissa għall-kawtela u rispett lejn l-Istituzzjonijiet u s-Saltna tad-Dritt.

 

Hawnhekk trid issir distinzjoni importanti ħafna.

 

Verdett mhuwiex il-filosofija tal-Istorja.

 

Il-ħtija kriminali u r-responsabbiltà politika mhumiex l-istess ħaġa. Ġurija tiddeċiedi fuq l-akkużi u l-provi li jitressqu quddiemha. Il-politika, min-naħa l-oħra, tiġi ġġudikata wkoll mill-memorja, mill-perċezzjoni u mit-tifsira li soċjetà tagħti lill-avvenimenti.

 

Jekk titlef dik id-distinzjoni, l-argument jinbidel f’irvell.

 

Iżda jekk iżżommha, tinbet problema aktar profonda.

 

L-assassinju kien it-tewmi mudlam tas-Sajf Laburista. Il-verdett ma neħħiex dik il-ferita mill-ħajja politika Maltija. Anzi, reġa’ poġġieha fiċ-ċentru tal-battalja dwar kif għandu jiġi interpretat dak il-perjodu.

 

U hemmhekk tidħol ix-Xitwa.

 

Għal Spengler, ix-Xitwa tibda meta kultura tinbidel f’ċiviltà: ir-ruħ tonqos u jibqa’ biss il-mekkaniżmu. Amministrazzjoni minflok ħolqien. Ġestjoni minflok viżjoni. Il-ħarsien tal-pożizzjoni minflok ir-rebħ ta’ orizzonti ġodda.

 

Il-Partit Laburista għadu jżomm is-siġilli tal-poter. Għandu l-Ministri. Għandu l-magna politika. Għandu l-maġġoranza Parlamentari. Għadu f’Kastilja.

 

Iżda dawk huma l-istrutturi.

 

Il-mistoqsija hija jekk għadx hemm ruħ politika kapaċi timliehom.

 

Din twassal għall-prova vera tar-raba’ mandat.

 

Meta l-pressjoni mill-Oppożizzjoni, mis-soċjetà ċivili u minn barra l-pajjiż tintlaqa’ primarjament b’Amministrazzjoni apoloġetika jew reattiva, inkunu qegħdin biss ngħinuhom jarmaw kontrina.

 

Gvern jista’ jibqa’ fil-poter u fl-istess waqt jibda jitlef il-ħila li jiddefinixxi ż-żmien tiegħu.

 

Dik hija l-biża’ ta’ Spengler; mhux li titlef il-Gvern, iżda li tibqa’ tiggverna wara li tkun waqaft toħloq l-Istorja.

 

Għaldaqstant, ejjew ma nħallux il-perċentwal tal-voti jserrħulna rasna.

 

L-Imperi komplew jamministraw għal snin sħaħ wara li waqfu joħolqu. Partiti politiċi jistgħu jibqgħu jirbħu wara li l-enerġija li tellgħethom fil-poter tkun bdiet tinxef.

 

Is-simbolu tal-2013 kien l-aċċelerazzjoni. Pajjiż żgħir konvint li seta’ jaqbeż il-limiti tiegħu. Magna politika mibnija fuq moviment, kunfidenza u veloċità.

 

Dak il-karattru li kien nbena ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

 

Iżda tajjeb li nżommu f’moħħna dawn il-fatti.

 

Il-veloċità mingħajr direzzjoni toħloq traffiku.

 

Il-lealtà mingħajr kritika ssir obbedjenza.

 

Il-poter mingħajr tiġdid isir amministrazzjoni tiegħu nnifsu.

 

U r-raba’ mandat, jekk il-Gvern fi ħsiebu jkun apoloġetiku minflok jibni futur ġdid, allura jibda l-istaġun tax-xita.

 

Tiġi l-ewwel ħalba silġ.

 

 

 

Illum il-Partit Laburista għandu għażla quddiemu.

 

Jista’ juża r-raba’ mandat biex jerġa’ jagħti sens lill-poter: isaħħaħ l-Istituzzjonijiet u jimplimenta l-Manifest Elettorali li bih rebaħ ir-Raba’ mandat konsekuttiv.

 

Dan ma jġibx lura l-2013.

 

Ir-Rebbiegħa ma terġax lura billi tpinġi l-weraq ħodor. Iżda tista’ tinħoloq raġuni ġdida għaliex partit għandu jibqa’ jeżisti lil hinn mill-memorja tar-rebħiet tiegħu.

 

Jekk dan ma jseħħx, jekk il-Gvern jibqa’ jwieġeb għal kull kriżi billi jkun apoloġetiku, allura il-ġranet se jkollhom inqas dawl tax-xemx minn qabel.

 

Il-problema ma tkunx li l-Partit Laburista tilef il-poter.

 

Tkun li baqa’ fil-poter wara li beda jitlef l-iskop tiegħu.

 

U hemmhekk tibda x-Xitwa vera.

 

Mhux meta jaqa’ l-Gvern

 

Mhux meta tintilef l-ewwel elezzjoni.

 

Imma meta magna tibqa’ taħdem, il-bibien jibqgħu miftuħa, il-Ministri jibqgħu jidħlu Kastilja, iżda ħadd ma jibqa’ jaf eżattament ‘Il fejn sejrin.

 

F’dak il-mument, il-ħolma ma tkunx tilfet elezzjoni.

 

Il-ħolma tkun spiċċat.

 

 

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *