Huwa stat ta’ fatt li nhar it-8 ta’ Ġunju li għadda, il-Partit Laburista rebaħ kemm l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kif ukoll dawk tal-Parlament Ewropew, però l-maġġoranza tal-Partit Laburista naqset konsiderevolment, sal-punt li naqqas siġġu fil-Parlament Ewropew u tilef il-maġġoranza f’diversi kunsilli lokali madwar il-pajjiż. Biex inkun qed ngħid kollox, dan mhux neċessarjament ifisser li l-Oppożizzjoni tinsab fid-direzzjoni t-tajba għax jekk wieħed jagħti ħarsa lejn it-trust ratings, il-Partit Nazzjonalista ma żiedx fil-fiduċja iżda, jekk xejn, kien il-Partit Laburista li naqqas konsiderevolment.
Dan ifisser li matul is-sena 2025, iż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna għandhom ħafna x’jaqdfu ħalli jkunu ppreparati għall-Elezzjoni Ġenerali li kull ma tmur qiegħda toqrob… iżjed u iżjed meta nżommu f’moħħna illi f’Diċembru sirna nafu li lokalment se jiġu ffurmati żewġ partiti politiċi ġodda. L-ewwel wieħed huwa l-Partit Malta Progressiv ta’ Cyrus Engerer u Silvan Agius, illi qed ifittxu li jattiraw votanti xellugin, liberali u progressivi, anke fid-dawl tal-fatt illi tul is-snin, Engerer kien MEP Laburista, filwaqt li Agius serva fil-kabinett tal-Kummissarju Ewropew, Helena Dalli, u t-tnejn li huma attivisiti fi ħdan il-komunità LGBTIQ+.
Imbagħad hemm il-Momentum Party ta’ Arnold Cassola, li jidher illi qed jimmira lejn dawk il-votanti Nazzjonalisti mweġġgħin jew li, għal xi raġuni, iħossu li l-Partit Nazzjonalista m’għadux id-dar naturali tagħhom. Qatt daqs issa l-kuntest politiku lokali ma offra terren daqstant fertili lil dak it-tielet partit li jixtieq jippenetra d-duopolju li s’issa kkaratterizza s-sistema politika tal-Gżejjer Maltin.
X’jeħtiġilhom jagħmlu l-partiti politiċi l-kbar?
Il-Partit Laburista jeħtieġlu jidentifika x’kienu dawk il-fatturi li wassluh biex ibatti daqstant fil-voti, fosthom Laburisti tad-demm imweġġgħin, kif ukoll votanti bla partit, filwaqt li joqgħod attent li ma jkomplix jifrex tapit aħmar lill-Oppożizzjoni li, f’attentat iddisprat biex taqbad ma’ kull tibna, qed tieħu vantaġġ politiku mis-sitwazzjoni. Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid jiżgura ruħu li kwalunkwe kritika li ssir minnu mhux biss tkun kostruttiva, iżda tkun akkumpanjata min-narrattiva koeżiva meħtieġa biex tikkonvinċi lil dawk l-eks Nazzjonalisti li tawh il-ġenb kif ukoll lil dawk politikament orfni, li tassew huwa kapaċi joffri tmexxija alternattiva għall-pajjiż.
Fl-opinjoni modesta tiegħi, ix-xenarju politiku lokali preżenti hu wieħed fejn jekk il-Gvern Laburista mhux se joqgħod attent għall-affarijiet li dwarhom l-elettorat qed jiġbidlu l-attenzjoni, se jkun qed jagħti rebħa elettorali fuq platt tad-deheb lill-Partit Nazzjonalista, illi sinċerament inħoss li għadu mhuwiex lest ħa jiggverna. Fil-fatt, wisq nibża’ li kieku l-Oppożizzjoni kellha tieħu l-Gvern, ma tantx iddum wisq fit-tmexxija, għax fil-politika mhuwiex biżżejjed li partit politiku jkun kapaċi jirbaħ iżda hu imperattiv li dan ikun kapaċi jmexxi pajjiż.
Kuntest internazzjonali problematiku
Min bħali jħobb isegwi l-aħbarijiet internazzjonali jinduna li s-sitwazzjoni politika fuq livell globali mhijiex waħda utopika. Għall-kuntrarju, id-dinja għandha bżonn l-istabbiltàbħall-ħobż, kemm fid-dawl tal-kunflitt imdemmi fil-Lvant Nofsani kif ukoll tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna li issa ilha għaddejja għal iżjed minn elf jum. Barra minn hekk,matul is-sena li għadha kif intemmet kien hemm ammont kbir ta’ avvenimenti politiċi f’diversi pajjiżi.
L-eżitu tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħasseb lil bosta hekk kif il-lemin estrem jidher li qed jerġa’ jerfa’ rasu waħda sew fil-Kontinent Ewropew, partikolarment fi Franza u l-Ġermanja li huma tnejn mill-iżjed stati membri influwenti fl-Unjoni Ewropea. Ladarba semmejt il-Ġermanja, l-affarijiet ma tantx jawguraw tajjeb għall-Kanċillier Olaf Scholz, hekk kif ix-xahar li għadda tilef il-vot ta’ fiduċja li ppreċipita elezzjoni qabel il-waqt illi x’aktarx se ssir fi Frar.
Ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerika, l-elezzjonijiet presidenzjali ntrebħu minn Donald Trump li huwa magħruf għall-fatt li żaqqu tesa’ ħobża imma kelma ma tesagħhiex, anke jekk fil-ħajja aħjar kelma nieqsa milli waħda żejda. Kellu bżonn li meta Trump jieħu l-ġurament dan ix-xahar, iżomm il-wegħda elettorali tiegħu li jwaqqaf il-gwerer qerrieda li qed jifnu lid-dinja, għax isbaħ mill-paċi fid-dinja m’hawn xejn!
Sena fejn kiber isem pajjiżna
Għall-kuntarju ta’ dak li qed jiġri fid-dinja, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet internazzjonali, is-sena 2024 kienet waħda tassew pożittiva għal pajjiżna, hekk kif dan temm il-mandat tiegħu ta’ sentejn fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (‘UNSC’), bid-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, l-Onor. Ian Borg,isostni kif pajjiżna ħalla l-mejda tal-UNSC b’sens profond ta’ sodisfazzjon. Dan wara li Malta kkontribwiet pożittivamentbiex jiġu xprunati l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li saħaq dwar il-fiduċja li l-komunità internazzjonalitpoġġi f’Malta.
Barra minn hekk, nhar il-5 u s-6 ta’ Diċembru tal-2024, pajjiżna kellu l-privileġġ li jospita l-ikbar avveniment internazzjonali fl-istorja tiegħu, hekk kif l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa(‘OSKE’) għażlet lil Malta biex torganizza l-wieħed u tletin Kunsill Ministerjali tagħha fejn iltaqgħu ’il fuq minn tmien mitt Ministru differenti minn madwar id-dinja. Tali avveniment ukoll kien wieħed ta’ suċċess hekk kif spikkat il-viżjoni għal żieda fir-reżiljenza u t-tisħiħ tas-sigurtà, bl-Onor. Borg jispjega l-impenn ta’ pajjiżna fl-iffaċilitar tad-djalogu għas-sejbien ta’ soluzzjonijiet politiċi dejjiema u sostenibbli għall-kunflitti fir-reġjun tal-OSKE.
Tislima lil Jimmy Carter
Nixtieq qabel ma nagħlaq, insellem il-memorja tad-disgħa u tletin President tal-Istati Uniti, Jimmy Carter, illi ħalliena l-ġimgħa li għaddiet. Matul it-terminu li fih serva bħala President, Carter poġġa d-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja soċjali fuq quddiem nett tal-aġenda tiegħu, billi, fost affarijiet oħra ħadem qatigħ ħalli l-paċi ssaltan fid-dinja. Tant hu hekk li kien strumentali biex intlaħaq il-Ftehim ta’ Camp Davidbejn l-Iżrael u l-Eġittu. Carter se jibqa’ mfakkar ukoll bħala medjatur prim fuq livell globali, fejn assista fi kwistjonijiet jaħarqu, inkluż f’pajjiżi fejn ħadd ma pponta jintervjeni. Carter baqa’ jagħti l-kontribut imprezzabbli tiegħu anke wara li spiċċa mit-terminu Presidenzjali tiegħu. Dan għamlu billi waqqaf il-‘Carter Center’ fl-1982.
Lura fis-sena 1994, fl-eqqel tal-vjolenza etnika fil-Balkani, il-‘Carter Center’ kien aġixxa bħala medjatur newtrali li wassal għal waqfien mill-ġlied ta’ erba’ xhur biex b’hekk ġew salvati ħafna ħajjiet innoċenti minn ħalq il-mewt. F’din l-istess sena, dan iċ-Ċentru nnegozja l-qafas ewlieni li fforma l-pedament għall-ewwel djalogu f’erbgħin sena bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. Minn dakinhar ’l hawn, iċ-Ċentru Carter kien ukoll involut f’żewġ sforzi oħra biex tiġi stabbilita l-paċi fil-peniżola Koreana, kif ukoll fi programm konġunt ta’ produzzjoni tal-ikel fuq livell internazzjonali.
Fis-sena 2002, Carter ingħata l-Premju Nobel għall-Paċi għall-ħidma sfiqa tiegħu fis-salvagwardja tal-ġustizzja soċjali u biex issaltan il-paċi fost il-ġnus. Ninsab ben ċert li l-legat tal-paċi li ħalla warajh Jimmy Carter, se jkompli jitgawda fit-tul.