Għal Pawlu Pace tal-MUMN, li allegatament seraq l-eluf minn kull fejn sab u li l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija, Imbierek Alla, għadhom jaħsbuha biex jiġru bih lejn il-Qorti, tistaqsux biss lili, imma morru staqsu għalih lil min jafu.
Fost dawk li jafuh sew hemm Paul Buttigieg u Fredu Briffa, ex infermiera f’Mater Dei u f’San Vinċenz, rispettivament. Ninżagħlhom il-kappell għaliex it-tnejn li huma sabu l-kuraġġ biex pubblikament jgħidu kif jafuh. U jien se nurikom x’kitbu.
Paul Buttigieg, fost affarijiet oħra, ma ddejjaqx jgħid kif Pawlu Pace jilgħabha tal-paladin tan-nurses meta fil-verita’ kull ma jinteressah huwa li juża l-membri u l-union għall-interessi tiegħu u ta’ dawk qrib tiegħu.
Isemmi kif Pawlu Pace neffaq aktar aktar minn miljun ewro lill-union, ovvjament mill-flus tal-membri, biex xtara l-bini tal-union mingħand missier il-mara tiegħu stess. Dan dejjem skont dak li kiteb Paul Buttigieg.
Buttigieg jikkonferma wkoll, dak li ili ngħid jien, li Pawlu Pace qatt ma rrapporta għax-xogħol.
Minn naħa tiegħu, Fredu Briffa jgħid li jistħi jgħid li kien membru u appoġġja lill-klikka li ħakmet l-MUMN. Jallega wkoll li l-MUMN titmexxa b’omerta’ u li għaddej racket fi ħdanha.
Nassigurakom, qarrejja tieghi, li ż-żejt se jfiġġ f’wiċċ l-ilma, imma biex jiġri hekk iridu jagħmlu xogħolhom l-AG Victoria Buttigieg, l-Ispettur Wayne Borg.