Waqt ix-xhieda tiegħu fil-kawża quddiem il-Magistrat Rachel Montebello b’rabta mal-inkjesta tal-isptarijiet kontra Dr Muscat, l-espert Keith Cutajar tela’ jixhed li rnexxielu jiftaħ il-mobile ta’ Joseph Muscat avolja ma rnexxielu jsib kważi xejn fih.
Kien qisu qed jiżvela s-sigriet ta’ Fatima.
Bħallikieku hawn xi ħadd fid-dinja li ma jagħmilx eżattament l-istess. Però l-isbaħ biċċa ta’ dan it-teatrin seħħet ftit minuti wara, għax meta ġie mistoqsi mill-avukat Vince Galea illi qed jidher għall-eks Prim Ministru, inqabad li hu stess iħassar il-messaġġi li jibgħat jew li jirċievi fuq l-applikazzjoni Signal.
Din l-ammissjoni li lanqas biss raha ġejja fuqu saret wara mistoqsija tal-avukat Vince Galea illi qed jidher għall-eks Prim Ministru ta’ kemm – il darba irċieva telefonati minn għand Dr. Jason Azzopardi, l-espert l-ewwel wieġeb iktar minn darba imbagħad qal li ċempillu ħames darbiet, biex ftit minuti wara żvela wkoll li saħansitra beda jirċievi l-messaġġi mingħand Jason Azzopardi bis-sistema signal. Kien f’dan il-waqt li Cutajar stqarr illi huwa ssetja s-sistema tiegħu ta’ signal b’mod li wara xi żmien il-messaġġi jitħassru waħidhom.
Prosit għalik Sur Cutajar! Mela anke int tħassar id-data? U għaliex tħassarha? Ma naħsibx għax ikun hemm xi posta Rużarju hux?
Insomma, huwa każ ta’ kif jgħid il-Malti ; min jitkaża jaqa’ fil-każa.