Bħal ma diġà ħabbarna ġimgħa ilu, dan is-sit issa għadda għal fażi oħra; qed ninvestigaw kull messaġġ li daħal, numru minnhom relatati ma allokazzjonijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Uħud oħra relatati ma xogħlijiet mgħotija mill-Awtorità tad-Djar.
Iġġib għajnejk wara widnejk.
Sadanittant, dan is-sit se jkun qed jibda jagħmel għadd ta’ mistoqsijiet lis-Sur George Lauria, CEO Housing Maintenance and Embellishment Co. Ltd. li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli.
Is-Sur Lauria huwa bniedem pjuttost influwenti fl-Awtorità. Dan is-sit jinsab infurmat li ċerti deċiżjonijiet meħuda dwar xogħlijiet relatati mal-Housing Maintenance and Embellishment jgħaddu minn taħt idejn dan is-Sinjur.
Is-sorsi tagħna fil-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli qalulna li s- Sur George Lauria huwa persuna tal-fiduċja tal-Ministru Roderick Galdes.
Sur George Lauria,
Nagħtik parir tibda tipprepara l-pinna għaliex dan is-sit se jibda jistaqsi lilek ukoll. Se jagħmel dan pubblikament fejn il-poplu jkun jista’ jsegwi dak li jkun għaddej.
Tinkwetax Sur Ġorġ, se nkunu qed nistaqsuk mistoqsijiet diretti u mingħajr ebda tidwir mal-lewża.
Kieku jien flokok ninforma lill Ministru dwar dan l-artiklu. Sbieħ filgħodu, il-Ministru tiegħek se jkun lura Malta. Nispera li jkun ħajt ta’ kenn għalik. Hekk sewwa u xieraq.