Titwaqqaf skwadra speċjalizzata Roads Policing Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għal aktar effiċjenza f’investigazzjonijiet marbuta ma’ inċidenti tat-traffiku

Neville Gafa

~ 2 weeks ago

Titwaqqaf skwadra speċjalizzata Roads Policing Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għal aktar effiċjenza f’investigazzjonijiet marbuta ma’ inċidenti tat-traffiku

Il-Korp tal-Pulizija kompla bil-pjan ta’ modernizzar u trasformazzjoni tiegħu bil-ħolqien tar-Roads Policing Unit – taqsima speċjalizzata li minbarra li se tkun iddedikata għall-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku, issa se tibda tinvestiga wkoll b’effiċjenza akbar l-inċidenti maġġuri tat-traffiku fejn ikun hemm imwiet jew nies midruba. 

 

Għal din it-taqsima ġdida ta’ investigazzjoni fil-fatt sar investiment ta’ tagħmir ġdid u taħriġ akkreditat biex il-pulizija jkunu jistgħu jiġbru evidenza tal-ħabta u wara janalizzaw ir-riżultati ta’ x’wassal għall-inċident biex eventwalment iressquhom fi provi u quddiem il-qrati tal-ġustizzja. B’hekk ukoll dan il-proċess għandu jgħin biex toroq ewlenin li  jingħalqu wara inċidenti serji tat-traffiku jkunu jistgħu jinfetħu aktar malajr għat-traffiku.

 

 

Tagħrif dwar it-taqsima u l-operat tagħha ngħata waqt żjara li saritilha mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

 


F’kelmtejn il-Ministru Byron Camilleri nnota li bl-aħħar investiment massiċċ “il-korp tal-pulizija mhux biss se jibqa’ joffri servizz professjonali iżda anke servizz aħjar lill-komunità li sar mill-korp tal-pulizija”. Qal li l-investiment li sar fuq in-nies u l-għodda se jgħin sostanzjalment biex l-investigazzjonijiet t’inċidenti tat-traffiku jsiru aħjar.

 


Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Angelo Gafà qal li dan huwa servizz ieħor ċentralizzat li se jkun qed jinvestiga l-inċidenti stradali b’għodda moderna u permezz tat-teknoloġija, il-pulizija se jkun qed jaqilbu x-xena b’mod diġitali li tista’ tiġi analizzata bir-reqqa ġewwa l-uffiċċju.

 

L-uffiċjali tal-pulizija li jifforma parti minn din is-sezzjoni l-ġdida ingħataw taħriġ akkreditat li se jgħinhom iwettqu dan ix-xogħol b’mod speċjalizzat u professjonali. It-taqsima se tibda topera minn għada fis-6am.

 

Matul l-aħħar ġimgħat dawn il-pulizija ngħataw taħriġ intensiv f’diversi oqsma speċjalment fit-tagħmir li se jibdew jużaw sabiex tinġabar evidenza fuq il-post tal-inċident, fil-fotografija, kif joperaw drone, u kif jagħmlu 3-D scanning u anke fl-ewwel għajnuna.  Ingħata wkoll taħriġ sabiex issir analiżi tal-evidenza miġbura u kif ukoll biex l-uffiċjal tal-pulizija jasal għal konklużjonijiet tad-dinamika tal-kolliżjoni.

 


Taħriġ ieħor akkreditat minn kumpanija Ingliża ingħata fuq programmi tal-kompjuter li janalizzaw il-kolliżjonijiet, il-kwalità tat-tarmac u saħansitra l-mod kif tkun taqleb it-triq.

 

Fl-aħħar xhur it-taqsima tal-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku ġiet mgħammra b’muturi u vetturi moderni.

Share this:

Picture of Neville Gafa

Neville Gafa

Leave a Comment

Your email address will not be published. Required fields are marked *