Dak li kulħadd qed jitkellem dwaru fiċ-ċrieki tagħna Soċjalisti antiki hu biss il-livell baxx li fih ċerti ndividwi qed iwaqqgħu fih il-Gvern tagħna li tant ħdimna għalih biex ingawduh. Fuq ilsien in-nies tagħna bħalissa hi kelma waħda: PORKERIJA
PORKERIJA għall-oxxenitajiet grassi u malizjużi ta’ dak li kellu jkun Festival Tal-Film f’għeluq il-100 sena tal-eżistenża tat-tertuqa f’Malta u kif tali tertuqa issa dawruha fi xkora ta’ dnubiet ħorox.
Kulħadd taparsi jitkellem dwar il-Mediterrane. Kelma sabiħa kieku imma bi prezz li ma jispiċċa qatt. L-ewwel nonfqu Ewro 5miljuni biex norganizzaw ġimgħa ta’ estravaganza fil-Forti ta’ Rikazli li jeħtieġ Ewro 200miljun biex jiġi restawrat u nsalvawh qabel ma s-swar tal-istess Forti jibqgħu sejrin il-baħar u wara nonfqu Ewro 8.5 miljuni biex norganizzaw serata ta’ premijiet fejn jiġu mistiedna mal-1,200 persuna kollha mosqija nbejjed u alkoħol mill-aqwa nkluz ukoll it-tqassim ta’ sigarri tal-aqwa kwalita’ filwaqt li min fettillu fis-sakra li kellu ntefa’ iteftef fil-bajda peress li ħassu jorgażma bil-ġid li ħoloq il-Partit Laburista fil-Gvern f’dawn l-aħħar tnax-il sena.
Il-ġid li ħoloq l-istess Partit Laburista ma nħoloqx biex il-Kummissarju tal-Films u l-Ministru tal-Kultura jiddeċidu li jħejju lista ta’ mistednin tal-qalba tagħhom u jsakkruhom sakra mill-flus tat-taxxi tal-poplu basta jgħidulhom jilbsu ċ-ċoff lill-irġiel u lin-nisa libsa tkaxkar mal-art. Lanqas ma ġie elett il-Partit Laburista fil-Gvern li biex tiġi evitata l-kritika mill-Awditur Ġenerali jitħejjew xi sejħiet għall-offerti finta li jkunu ilhom għand min ikun ilu ġimgħat li ġie ddentifikat li ser jagħti s-servizz u ftiehem kollox dwar kif ser jaħdem u taparsi tali kumpannija tkun rebħet xi sejħa għall-offerti bil-prezz miftiehem ukoll minn qabel.
Imma possibbli l-Ministru Dr. Owen Bonnici u l-Kummissarju tal-Films is-Sur Johann Grech ħasbuhom daqshekk imzażen lill-Laburisti? Mhux kulħadd jaf min kien mistieden minnhom għas-serati nkluż dik l-orġja li saret fil-Forti Manoel nhar l-Imnarja?
Quddiem dan kollu s-Soċjalist Antik li joqgħod idur id-door to door mal-kandidat tal-lokalita’ f’elezzjoni ta’ Kunsill Lokali jew jippreżenta lilu nnifsu biex hu stess ikun kandidat m’għandux ikun apprezzat mill-Ministru Owen Bonnici b’risq ix-xogħol li jagħmel għall-Partit Laburista jekk niġu f’dan? U dak is-Soċjalista li xemx u xita jdur mal-kandidat tad-distrett f’kull attivita’ u hu membru attiv ta’ kumitat lokali m’għandux ikun ippremjat Dr. Owen Bonnici minnek bħala l-Ministru responsabbli mill-industrija tal-Films?
Bla dubju li dan hu l-elitiżmu modern tiegħek bħala Ministru tal-Kultura. Qed toħloq dik li l-Franċiżi jsejħu Cotterie – jiġifieri nies li jxammru mneħirhom b’riħtek. Hekk hu iżda. Min mejjet għall-qatra u min mejjet fis-sakra u flus biex jitnaddfu l-monumenti li sawwru lil ġensna ma fadallekx għalihom Ministru.
Issa mhux għaliex jagħtik xi ħaġa għall-monumenti Clyde Caruana terġa torganizza xi gala dinner din id-darba forsi fil-Forti ta’ Sant’Anġlu għall-Festa tal-Vitorja u li jkun hemm għall-monumenti jerġa’ jispiċċa jintefaq. Bi kważi Ewro 14-il miljun int u s-Sur Johann Grech kontu tibnu skola ġdida li tant ulied il-ħaddiema għandhom bżonn biex jitgħallmu f’imkien sabiħ jew issir estensjoni tal-Isptar Mater Dei biex jinqata’ l-iffullar fis-swali jew jinbidlu minn tal-anqas 20 kilometru ta’ cables tal-high tension tad-dawl tal-Enemalta u fis-sħana li qegħdin fiha ma jibqax jinqata’ id-dawl.
Istħi jekk taf Dr. Bonnici. Żarma minn hemm minn rajk peress li ħadd ma jista’ inizzel iżjed il-ħnizrijiet tiegħek.
We don’t talk about Bruno.