Sfortunatament għandek xi wħud li jieħdu n-nifs tagħhom billi jxandru l-FAKE NEWS. Min għal clickbaits biex jaqla’ l-flus minn fuqha, inkluż xi podcasters falluti. Jew oħrajn għaliex ma jifilħux jaraw l-istorja ta’ suċċess li wettaqna bl-akbar riġenerazzjoni ambjentali u soċjali li qatt seħħet f’Ta’ Qali.
L-istorja dwar il-picnic area tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali mhi xejn għajr FAKE NEWS mill-bidu sal-aħħar.
FAKE NEWS u gidba ħoxna li xi ħadd qaċċat siġar, jew neħħa l-ħaxix li jitla’ matul ix-xitwa fil-picnic area f’Ta’ Qali.
FAKE NEWS u gidba ħoxna li xi ħadd tefgħa terrapien u żrar fil-picnic area f’Ta’ Qali.
FAKE NEWS u gidba ħoxna li matul l-istaġun tas-Sajf bejn Ġunju sal-aħħar ta’ Settembru, il-picnic area f’Ta’ Qali kienet tkun miksija bil-haxix.
Bil-kontra.
Fil-picnic area f’Ta’ Qali f’rispett sħiħ ambjentali, tal-familji li jżuruha, u tal-attivitajiet sportivi, tal-massa, u oħrajn li jsiru matul is-sena kollha, inkluż fl-eqqel tas-Sajf, sar titjib ġenerali fuq l-art tal-picnic area biex il-ħamrija li fis-Sajf qalil kienet issir kollha trab, wara li jinxef u jitlaq il-ħaxix kollu, bil-konsegwenza li ma jħallix persuni jagħmlu l-attività fiżika tagħhom b’dannu għal saħħithom speċjalment dawk kollha li jbatu minn kundizzjoniet differenti marbutin man-nifs. L-istess problemi fuq saħħet in-nies kienu jinqalgħu matul kull Sajf waqt kull attività tal-massa.
Kien għalhekk li kif jiġri f’parks nazzjonali simili barra minn xtutna, fil-picnic area f’Ta’ Qali sar intervent f’waqtu fejn materjal ta’ ramel fin u gravel apposta tferrex matul partijiet tal-art tal-picnic area biex jaqta’ t-trab enormi prodott mill-ħamrija tal-picnic area matul l-istaġun tas-Sajf. Dan ir-ramel fin u gravel hu materjal apposta li jintuża fuq artijiet tal-parks u li minnu jisponta, u jitla’ b’mod naturali l-ħaxix wara li tagħmel ix-xita fil-Harifa u fix-Xitwa.
Dan hu l-istess proċess naturali li jiġri kull sena minn kemm ilha teżisti l-picnic area f’Ta’ Qali. Fis-Sajf jinxef u jitlaq il-ħaxix kollu, u wara x-xita tal-ħarifa u x-Xitwa jerġa’ jitla’l-haxix. Għalhekk dak li qed ixerrdu xi wħud hu biss FAKE NEWS u gidba ħoxna.
Bħala prova ta’ dan kollu, qed nirriproduċi żewġ ritratti mill-ajru ta’ kif minn dejjem kienet f’kull Sajf il-picnic area f’Ta’ Qali. Tixbaħ deżert ta’ ħamrija. Għalhekk ukoll li minn dawn iż-żewġ ritratti jidher car kristall kemm hi FAKE NEWS u gidba ħoxna li xi ħadd das-Sajf qaċċat siġar u neħħa l-ħaxix mil-picnic area f’Ta’ Qali.
L-ebda FAKE NEWS jew gidba ħoxna mhi se ttappan is-suċċess tal-akbar rigenerazzjoni ħadra li qatt seħħet f’Ta’ Qali, li minnu qed igawdi kulħadd.