Kull min jaspira li jkollu kariga politika, altru li jrid ikun nadif, iżjed u iżjed meta qegħdin nitkellmu dwar dik ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Din il-kariga tesiġi li min jokkupaha ma jkollux passat imtebba’ b’xi forma ta’ ħmieġ ossija korruzzjoni jippreċedih, ħalli b’hekk ħadd ma jkun jista’ jipponta subgħajh lejh. Il-fatt li l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid għadu żagħżugħ jawgura tajjeb, mhux biss għaliex meta persuna tkun għadha żgħira, inqas ikun hemm ċans li jkollha stejjer passati jippreċeduha, iżda wkoll għaliex iż-żgħażagħ għandhom sens ta’ idealiżmu u l-għatx għall-bidla.

Partit Nazzjonalista
Ilkoll naqblu li l-Partit Nazzjonalista għandu bżonn paġna ġdida, u għalhekk il-mexxej il-ġdid tiegħu jeħtieġlu jiffoka l-enerġija tiegħu fuq kif se jerġa’ jinjetta r-rilevanza fil-partit li ġie fdat imexxi, minbarra l-fatt li dan irid jagħraf jimxi maż-żminijiet. F’liema sens? Għadda dak iż-żmien fejn lill-partiti politiċi ewlenin irebbħuhom dawk il-partitarji ferventi. Illum il-ġurnata, id-dinamika tal-politika nbidlet konsiderevolment, fis-sens illi huwa l-floating voter li jrebbaħ jew itellef, ghax dak ma jaħfirha lil ħadd.
L-għeruq tal-problema
Għadni niftakar meta l-Partit Laburista kien tilef b’ċikka l-elezzjoni ġenerali tal-2008. Ukoll, ma ninsiex il-kelmiet “Fejnhom il-Laburisti?!” minn fomm il-partitarji Nazzjonalisti, liema kliem għadu jidwi f’widnejja sal-lum.Meta daħal fix-xena Dr Joseph Muscat, malajr urihom fejn kienu l-Laburisti għax tant ġab lill-Partit Laburista b’saħħtu li sal-ġurnata tal-lum l-ebda forza politika oħra ma rnexxielha tegħlbu, grazzi wkoll għall-fatt li Dr Robert Abela għaraf ikompli jibni fil-legat tal-predeċessur tiegħu! Biss, biex inkun qed ngħid kollox, il-mument li fih Dr Alfred Sant għadda t-tmexxija tal-Partit Laburista lil Dr Muscat, ħallielu partit strutturalment b’saħħtu u għaldaqstant, Muscat seta’ minnufih jibda jiffoka fuq it-tisħiħ tal-aspett politiku b’tali mod li jagħmlu partit rebbieħ, u rnexxielu!

Alfred Sant
Li partit politiku jkollu ħames kapijiet differenti fuq firxa ta’ tnax-il sena mhijiex ċajta! Għaldaqstant, il-kap il-ġdid jeħtieġlu jidentifika x’kienet ir-raġuni ewlenija li wasslet għal dan u fuq kollox, jindirizza l-problema mill-għeruq tagħha. Jekk jonqos milli jagħmel hekk, ikun qed jissogra li jiffaċċja l-istess destin li diġà esperjenzaw il-predeċessuri tiegħu.
Is-sustanza fuq il-kliem
Kwalunkwe mexxej li jrid jitqies bi kredibbli, irid juri illi għandu pjan fit-tul f’dak li jirrigwarda bosta suġġetti li jolqtu lill-poplu fil-laħam il-ħaj. Jiddispjaċini ngħid li hemm diversi oqsma fejn l-Oppożizzjoni m’għandhiex pjan ċar biżżejjed, jew aħjar, m’għandha l-ebda pjan. Nibdew mis-saħħa, inkomplu bl-edukazzjoni, l-ekonomija, l-infrastruttura u nistgħu nibqgħu sejrin. Hawnhekk naraw x’għadma iebsa għandu l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid, hekk kif mhux biss irid jerġa’ jibni mill-qiegħ l-istrutturi mnawrin tal-Partit Nazzjonalista li ormai ilhom hemm mis-snin tmenin, iżda mbagħad irid jgħaqqad għadd ta’ gruppi ffurmati minn persuni li għandhom l-għarfien neċessarju fl-oqsma varji ta’ kompetenza li għadni kemm semmejt, sabiex l-Oppożizzjoni jkollha xi ħaġa tanġibbli x’toffri lill-poplu biex dan ikun jista’ jqisha bħala gvern alternattiv. B’hekk biss, il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid ikun jista’ jmur b’wiċċu minn quddiem għand l-elettorat u jitolbu l-fiduċja tiegħu. Imbagħad hemm oħra, il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista jrid isewwi d-diversi żbalji li saru mill-predeċessuri tiegħu. Dan ikun possibbli biss jekk jagħraf jibni l-pontijiet u jħaddan mentalità inklussiva.
Interpretazzjoni żbaljata
Ħafna jemmnu li r-raġuni ewlenija għalfejn il-poplu ta l-ġenb lill-Partit Nazzjonalista tinsab fil-fatt li dan safa ffossilizzat, fis-sens illi baqa’ mwaħħal fil-passat. Fil-verità, din l-interpretazzjoni mhijiex waħda korretta, peress li l-Partit Nazzjonalista beda jitlef ir-rilevanza tiegħu meta nqata’ mill-għeruq tiegħu. Ilkoll nafu kif tradizzjonalment, il-Partit Nazzjonalista kien meqjus bħala l-partit tan-negozju, hekk kif il-maġġor parti tas-simpatizzanti kif ukoll tas-sostenituri tiegħu kienu negozjanti u kuntratturi. Dawn żgur li ma jinsewsx meta l-partit li tant kienu jappoġġjaw, beda jdur għal difrejh u ħarrax il-liġijiet fiskali sal-punt li beda jibgħathom il-ħabs jekk jitnikkru f’xi pagament tat-taxxa, minflok ma r-regolatur poġġa magħhom madwar mejda sabiex jiftiehmu fuq pjan ta’ ħlas tat-taxxi b’lura. X’ġara? Tilfu l-vot ta’ ruxxmata negozjanti li tradizzjonalment dejjem kienu jxaqilbu iżjed lejn il-Partit Nazzjonalista! L-istess ġara meta Gvern Nazzjonalista kien emenda l-liġijiet tal-ippjanar b’tali mod li min kellu xi irregolarità fil-proprjetà tiegħu, kien ikollu jwaqqa’ l-binja minflok ma jissanzjonaha… anke jekk il-maġġor parti tal-kuntratturi u l-iżviluppaturi kienu Nazzjonalisti.
X’differenza minn Gvern Laburista li introduċa l-possibbiltà għal dawk in-negozjanti illi jkollhom taxxi b’lura, sabiex minflok ma jitressqu l-qorti, jiftiehmu fuq pjan ta’ ħlas mad-Dipartiment tat-Taxxa sabiex iħallsu bin-nifs l-ammont dovut minnhom. Anke fir-rigward ta’ irregolaritajiet fil-bini, Partit Laburista daħħal riformi ekwi li ħolqu l-possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni ta’ ċerti irregolaritajiet.
Ma tgħallmu xejn?
Minflok ma tagħmel l-almu tagħha biex terġa’ tirbaħ lura r-rispett u fuq kollox, il-kredibbiltà tal-elettorat, l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tkun dik tal-le! Innutaw kif uħud mid-diriġenti tagħha ħarġu bil-qawwa kontra l-miżura li tippermetti lil min għandu xi forma ta’ irregolarità fil-bini tiegħu li jissanzjonaha.Ma ninsewx illi hemm persuni li sfaw vittmi taċ-ċirkostanzi, bħal dawk illi reċentement ħadu lura f’idejhom proprjetajiet li kienu ilhom irrekwiżizzjonati għal deċennji sħaħ. Kien hemm inkwilini illi kisru l-liġijiet tal-ippjanar, u biex jirbħu kmamar addizzjonali bnew fil-btieħi jew fuq il-bjut tad-djar mikrija lilhom. Uħud mid-diriġenti tal-Partit Nazzjonalista qegħdin ukoll jopponu s-sussidji tal-enerġija, bla ma jirrealizzaw li mingħajr din l-għajnuna mogħtija mill-gvern, il-faxxa tan-nofs tas-soċjetà kienet tisfuma fix-xejn. Dak li matul is-snin kien il-partit tan-negozju, mhux neċessarjament iddistingwa ruħu f’dak li għandu x’jaqsam mas-salvagwardja tal-faxxa tan-nofs, u mhuwiex juri wisq propensità li jikkoreġi l-perkors tiegħu f’dan ir-rigward, għax irid ineħħi din il-miżura intiża biex tiżgura s-sopravivenza ta’ din l-istess faxxa.
Ngħiduha kif inhi, il-faxxa tan-nofs f’pajjiżna taf il-ħolqien tagħha lill-Partit Laburista, sewwa sew taħt it-tmexxija tal-Perit Duminku Mintoff, u din baqgħet tiġi ppreservata grazzi għall-isforzi li saru minn Gvernijiet Laburisti matul is-snin. Il-poplu ma jridx rappreżentanti illi jirraġunaw b’mod u manjiera li għax komdi huma komdu kulħadd, iżda jeħtieġ mexxejja li jinsabu fuq l-istess paġna tagħhom.

Alex Borg
It-triq ’il quddiem
Kemm huwa importanti li l-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid ma jħalli qatt lill-interessi partiġġjani jipprevalu fuq dawk tan-nazzjon. Hu imperattiv li fejn il-Gvern jagħmel il-ġid, jeħodlu b’idejh u jinkoraġġih, u fejn sinċerament iħoss li hemm il-ħtieġa li jiġbed l-attenzjoni fir-rigward ta’ ċerti punti, ma jonqosx milli jagħmel dan. Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed mir-rwoli kruċjali tal-Oppożizzjoni hu li tiskrutinja l-ħidma tal-Gvern. Nagħlaq billi nifraħ lil Dr Alex Borg f’din il-kariga ġdida tiegħu, filwaqt li nawguralu li tassew jirnexxilu joħloq id-differenza tant meħtieġa fl-Oppożizzjoni, kemm fl-interess tal-partit immexxi minnu kif ukoll f’dak tal-Gżejjer Maltin. Il-ħidma t-tajba!