Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026 mar-rappreżentanti tal-Forum Unions Maltin, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li budget wara ieħor dejjem intwera biċ-ċar li din l-amministrazzjoni kommessa li tibqa’ taħdem bi sħiħ għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema kollha, kemm dawk fis-settur pubbliku kif ukoll dawk li jaħdmu fil-privat.
Dr Abela rrimarka li l-ftehimiet kollettivi huma l-qalba ta’ relazzjoni stabbli bejn il-ħaddiema u l-amministrazzjoni. F’din il-leġiżlatura, fi ftit iktar minn tliet snin u nofs, ġew iffirmati aktar minn 110 ftehimiet li fih itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u żiedu l-pagi ta’ ‘l fuq minn 40,000 impjegat.

Huwa rrimarka kif grazzi għal ekonomija stabbli u li trendi, pajjiżna se jerġa’ jkollu budget mingħajr żieda fit-taxxi. Fl-istess waqt il-Gvern se jkompli jonora l-patt soċjali dwar il-paga minima, hekk kif se jerga’ jkun hemm żieda fil-paga minima.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fil-ħiliet u t-taħriġ biex ikompli jiġi żgurat li l-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom l-aqwa opportunitajiet għall-avvanzi professjonali. Dan jinkludi investiment fi programmi ta’ taħriġ, korsijiet vokazzjonali, u inizjattivi li jsaħħu l-produttività u l-kwalità tax-xogħol.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru Roderick Galdes, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Alicia Bugeja Said, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru il-Kurunell Mark Mallia.

