Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ipparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri Ewropej għall-Ġustizzja li sar ġewwa l-Lussemburgu fejn il-Ministri responsabbli għall-ġustizzja madwar l-Unjoni Ewropea ddiskutew żviluppi ewlenin fil-qasam tal-ġustizzja madwar l-Unjoni.
Matul id-diskussjoni li saret fil-Kunsill dwar proposta tal-Kummissjoni Ewropea ġew indirizzati diversi temi ta’ importanza kruċjali fil-qasam tal-ġustizzja, fosthom l-iżviluppi relatati mas-saltna tad-dritt, b’mod partikolari fuq il-parteċipazzjoni politika bħala pedament essenzjali tal-governanza demokratika.

Jonathan Attard
Ġew indirizzati wkoll l-isforzi biex tibqa’ tiġi miġġielda l-impunità għal delitti mwettqa b’rabta mal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, filwaqt li ġie kkonfermat l-impenn sod tal-EU lejn responsabbiltà kriminali internazzjonali.
Wieħed mill-punti ewlenin fuq l-aġenda kien il-futur tal-Eurojust. Dr Attard laqa’ l-ħidma u tenna l-appoġġ qawwi ta’ Malta favur it-tisħiħ tal-kapaċitajiet analitiċi ta’ Eurojust, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra reati kumplessi u transkonfinali bħall-kriminalità ċibernetika, il-kriminalità ambjentali, it-terroriżmu u t-traffikar tad-droga. Huwa saħaq fuq l-importanza li Eurojust ikun mgħammar b’għodod u riżorsi adegwati sabiex jibqa’ effettiv u rilevanti quddiem theddid kriminali li qed jevolvi kontinwament.
Il-Ministru Attard laqa’ wkoll il-proposti biex Eurojust jieħu rwol aktar proattiv fl-appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali, inkluż l-involviment tiegħu fl-istadji bikrija ta’ investigazzjonijiet transkonfinali, jiffaċilita laqgħat ta’ koordinazzjoni fil-ħin opportun, u jsaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ Europol, il-EPPO u pajjiżi terzi. Dr Attard tenna l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati biex isaħħu dawn il-funzjonijiet estiżi, filwaqt li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-istandards tal-protezzjoni tad-data.
Din il-laqgħa serviet bħala pjattaforma importanti għall-Istati Membri biex jallinjaw il-prijoritajiet komuni fil-qasam tal-ġustizzja u jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali u ssaħħaħ is-saltna tad-dritt madwar l-Unjoni Ewropea.